-
-
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Knisja Arċipretali tal-Mosta
24 ta’ Novembru 2017
L-Evanġelju jfakkarni fil-profezija ta’ Xmun meta Ġesù kellu 40 jum. Lil ommu jgħidilha: “Dan għad ikun sinjal li jmeruh” (Lq 2, 34). U t-tempju huwa wkoll sinjal li fis-sekli qed jkun hemm min imerih. It-tempju qatt mhu preżenza newtrali; hemm min iħobbu u hemm min jobgħodu. L-ikbar għadu tat-tempju forsi hu l-indifferenza.
Il-Mulej Ġesù, quddiem it-tempju mhuwiex indifferenti; ir-reazzjoni u l-vjolenza tiegħu meta jara t-tempju jipprofana ruħu għaliex isir “għar tal-ħallelin” (Lq 19, 46), huwa sinjal ta’ kemm iħobb il-qdusija tat-tempju. Nafu wkoll li l-immaġini tat-tempju jużaha għalih nnifsu, hija użatha għall-post fejn il-Knisja, l-ekklesia, tiltaqa’ mal-Mulej, imma wkoll huwa sinjal tal-istess ekklesia, l-istess tempju, l-istess komunità. It-tempju jsir ukoll immaġni tad-dixxipli. Mela meta Ġesù jinsisti fuq il-qdusija tat-tempju qiegħed jitlob il-qdusija mhux biss tal-post imma tal-komunità u tad-dixxipli.
Qabel xejn, l-isqof huwa dixxiplu. Biex nissellef il-kliem ta’ Santu Wistin: “Jiena magħkom dixxiplu, għalikom jiena ragħaj”. Li nkun dixxiplu magħkom huwa ta’ vantaġġ għalija, li nkun ragħaj għalikom huwa ta’ periklu għaliex huwa responsabbiltà u impenn. U għalhekk, jiena u nfakkar il-ħames anniversarju mill-konsagrazzjoni tiegħi bħala isqof u din is-sejħa li ngħix il-milja tas-saċerdozju, niftakar kemm-il darba l-Mulej, meta jħares lejn it-tempju li huwa aħna, ikollu aptit jaqbad il-frosta għax iħossu li huwa tempju profanat bil-passjonijiet tad-dinja, bl-ambizzjonijiet tal-bnedmin, b’kull sens ieħor negattiv. Imma l-Mulej, fil-ħniena tiegħu, inaddaf bis-Sagrament tal-Qrar, iġedded.
Jiena nixtieqkom titolbu għalija u miegħi biex il-Mulej mhux biss isaffini bħalma ried li jissaffa t-tempju ta’ Ġerusalemm imma wkoll li magħkom naħdmu biex it-tempju ta’ Alla, li huwa aħna, il-Knisja f’Malta, tkun imsoffija minn kull regħba, minn kull għira, minn kull vizzju, minn kull tebgħa li l-Mulej jixtieq li ma tkunx hemm, li kultant tqabbad ir-rabja ġewwa fina. Il-Mulej għadu jfittex is-safa tat-tempju tiegħu li huwa aħna, ifittex is-safa tat-tempju li hi l-Knisja.
Illum ejjew nitolbu biex aħna nkunu strumenti ta’ tiġdid; l-ewwel nett billi nħalluh inaddaf lilna nfusna, inaddaf lilna, imma fl-istess ħin ukoll permezz tal-ministeru tagħna jippurifika l-Knisja, biex tkun bħalma l-Knisja titlob fit-talba fil-festa ta’ San Karlu Borromeo: tkun kapaċi turi lid-dinja l-wiċċ sabiħ ta’ Ġesù.
✠ Charles J.Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
-
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja