Qegħdin ngħaddu l-messaġġ li għamel dalgħodu l-Isqof t’Għawdex Mons. Mario Grech fis-Sinodu tal-Isqfijiet li qiegħed isir f’Ruma dwar l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida għat-Trasmissjoni tal-Fidi Kristjana.

NEVANĠELIZZAW IL-FAMILJI FERUTI

Fil-bidu tas-Sena tal-Fidi, il-Q.T. il-Papa jistedinna biex ngħaddu mill-“bieb tal-fidi” ħalli nidħlu f’komunjoni ma’ Alla, u fl-istess ħin biex nagħtu spinta ġdida lill-evanġelizzazzjoni “ħalli niskopru mill-ġdid il-ferħ li hemm filli nemmnu u nerġgħu nsibu l-entużjażmu filli ngħaddi l-fidi lill-oħrajn” (Porta fidei, 1.7). Hija l-istess sejħa għall-qdusija li l-Konċilju Vatikan II promova u ppropona lill-Insara kollha, u li minnha kellimna l-Q.T. il-Papa Benedittu XVI fl-omelija tal-ftuħ ta’ dan is-Sinodu: il-qdusija bħala triq ta’ evanġelizzazzjoni.

Kif jinnota l-Q.T. il-Papa fl-istess omelija, iż-żwieġ bħala għaqda ta’ mħabba fidila u dejjiema bejn raġel u mara “huwa minnu nnifsu Vanġelu, Aħbar Tajba lid-dinja tal-lum”. Huwa kompla jgħid li “iż-żwieġ huwa msejjaħ biex ikun mhux biss l-oġġett imma s-suġġett tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida.”

B’referenza għall-paragrafi 110-111 tal-Instrumentum Laboris, nixtieq niġbed l-attenzjoni fuq l-emerġenza ta’ evanġelizzazzjoni sistematika għall-familji, partikularment fl-Oċċident.

Minkejja li r-raġel u l-mara għandhom dritt naturali li jiżżewġu, kif tgħid id-Dikjarazzjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem fl-artiklu 16, nistaqsi: dan id-dritt huwa assolut? Jew inkella jekk inqisu li ż-żwieġ naturali u l-familja jiffurmaw parti mill-ġid komuni, allura s-soċjetà għandha d-dmir li tgħin lill-għarajjes biex jitħejjew sewwa qabel ma jieħdu fuqhom dan l-impenn hekk kbir?

Ċertament din it-twissija tgħodd b’mod partikulari għall-Insara li jitolbu s-sagrament taż-żwieġ. Il-Kodiċi tad-Drittu Kanoniku jgħid li r-Ragħajja tal-erwieħ għandhom l-obbligu li jagħmlu b’mod li l-komunità ekkleżjastika tagħhom toffri lill-fidili dik l-għajnuna meħtieġa li permezz tagħha l-istat taż-żwieġ jibqa’ dejjem fl-ispirtu nisrani u jikber fil-perfezzjoni, partikularment bit-tħejjija personali għaċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ (kan.1063). Imma din it-tħejjija m’għandhiex tiġi mifhuma biss bħala tħejjija tal-għarajjes għaċ-ċelebrazzjoni tar-rit tas-sagrament taż-żwieġ fil-Knisja, imma bħala akkumpanjament għal mixja ta’ fidi li tgħinhom jgħixu l-ħajja miżżewġa tagħhom bħala koppja fil-familja fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla. Fid-djoċesi tiegħi, minn tliet snin ‘l hawn qed noffru mixja ta’ formazzjoni ta’ sentejn (li tiġbor fiha madwar 30 laqgħa), fuq diversi temi ta’ psikoloġija tal-koppja u ta’ teoloġija u spiritwalità taż-żwieġ nisrani, u aktar minn 90% tal-għarajjes qed jieħdu sehem fihom.

Din il-mixja ma tieqafx maċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament, imma timmira li tgħin lil dawn l-għarajjes ikomplu l-mixja ta’ fidi fi ħdan il-komunità parrokkjali tagħhom anke wara li jiżżewġu. Infatti, fid-djoċesi tagħna qed jiġu ffurmati gruppi żgħar ta’ koppji li żżewġu f’dawn l-aħħar 5/10 snin li qed ikomplu din il-mixja ta’ fidi. Dan qed jinkludu wkoll il-formazzjoni ta’ diversi operaturi pastorali (koppji miżżewġin żgħar), biex jakkumpanjaw il-gruppi tal-għarajjes u l-miżżewġin ġodda. B’dan il-mod huma l-istess koppji li jevanġelizzaw il-koppji, il-familji li jevanġelizzaw il-familji.

Waqt li l-Knisja se tkompli xxandar il-Vanġelu taż-żwieġ, ma nistgħux ma nagħtux każ tar-realtà doloruża ta’ ħafna żwiġijiet li sfortunatament qegħdin ifallu. Tkun ħtija serja ħafna jekk din l-Assemblea Sinodali ma tagħtix każ li, minbarra ħafna żwiġijiet regulari u familji li rnexxew, għandna wkoll ħafna persuni separati, koppji de facto u oħrajn li huma divorzjati li reġgħu żżewġu. Dawn il-persuni li qed iħossu t-tagħlim tal-Maġisteru bħal mażżra ma għonqhom u piż fuq qalbhom, u jsibu diffikultà biex jirrikonċiljaw ruħhom mal-Knisja u forsi wkoll ma’ Alla, li jkollhom il-Knisja timxi magħhom tidher tabilħaqq aħbar tajba għalihom. Anke dawn jixtiequ jaraw lill-Mulej (ara Ġw 12,21). Il-preżenza tagħhom fil-Knisja hija waħda mill-“eżiġenzi l-ġodda tal-evanġelizzazzjoni” għat-trasmissjoni tal-fidi. Waqt li l-Vanġelu ma jinbidilx, din ir-realtà hekk mifruxa hija waħda ġdida għall-Knisja u ġġiegħlna nirriflettu dwar mod ġdid ta’ kif nistgħu nipproponu l-fidi Kattolika, il-messaġġ tal-Vanġelu u t-tagħlim ta’ Kristu lil dawn ħutna! Ir-riflessjoni tagħna fis-Sinodu trid turi li “l-Knisja hija qrib ta’ dawk li għandhom qalbhom feruta”. Waqt li nagħraf id-diffikultajiet, nemmen li llum huwa fundamentali li bħala Knisja nkunu preżenti fil-ħajja ta’ tant koppji de facto jew divorzjati miżżewġin mill-ġdid li jixtiequ jagħmlu mixja ta’ fidi flimkien mal-Knisja.

Minkejja l-fatt li mhumiex f’għaqda sħiħa mal-Knisja minħabba l-istat irregulari tagħhom, ħafna minnhom għadhom iħobbu u jemmnu fil-Mulej u fil-Knisja tiegħu. Nazzarda ngħid li dawn il-koppji llum qed jistennew minn dan is-Sinodu dak li f’kuntest wiesa l-Papa Benedettu sejjaħlu “messaġġ imperjali” – kelma li toffrilhom dawl, bħal dik li qal il-Q.T. il-Papa f’Milan: “Il-problema tad-divorzjati miżżewġin mill-ġdid hija waħda mill-weġgħat il-kbar tal-Knisja tal-lum. U m’għandniex riċetti sempliċi… U mbagħad, fir-rigward ta’ dawn il-persuni rridu ngħidu li l-Knisja tħobbhom, imma jeħtieġ li huma jaraw u jħossu din l-imħabba. Jidhirli li hija biċċa xogħol tal-parroċċa, tal-komunità Kattolika, li tagħmel realment dak kollu li hu possibli biex dawn il-persuni jħossu li huma maħbubin, aċċettati, u li m’humiex “barra” anke jekk ma jistgħux jirċievu l-assoluzzjoni u l-Ewkaristija: jeħtieġ jifhmu li anke b’dan il-mod jistgħu jgħixu b’mod sħiħ fil-Knisja” (2 ta’ Ġunju 2012; ara ukoll Esortazzjoni Sacramentum Caritiatis, 29).

Għeżież Ħuti fl-episkopat, ma nibżgħux! Ejjew nidħlu b’kuraġġ għat-triq li għandna quddiemna. Il-Mulej jimxi flimkien magħna. L-evanġelizzazzjoni l-ġdida se tkun forsi iebsa, imma huwa sabiħ li nagħtu xhieda għall-Vanġelu. Meta nevanġelizzaw  il-familja u l-familji, mhux esklużi dawk il-familji rregulari, ifisser li nkunu qegħdin nevanġelizzaw id-dinja.

Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex