-
-
Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina
24 ta’ Diċembru 2017
Huwa ta’ ferħ kbir għalija li f’dan il‑lejl qaddis insellem lilkom, għeżież ħuti Maltin u Għawdxin. F’dan il‑lejl il‑Mulej jistedinna nersqu lejh. L‑isem tiegħu, Ġesù, ifisser li Alla jixtieq ħafna jsalvana. Isem ieħor tiegħu, Għimmanu‑El, ifisser li għandu għatx li jkun magħna, Alla magħna.
Dan il‑Milied għażilt li l‑messaġġ tiegħi nwasslu mill‑Katidral tal‑Imdina fejn hawn presepju Naplitan mill‑isbaħ. Il‑presepju Naplitan huwa ġeneru ta’ arti partikolari: ipoġġi x‑xena tal‑Milied fl‑ambjent ta’ Napli ta’ 300 sena ilu għaliex il‑Milied huwa storja mhux biss ta’ 2,000 sena ilu imma huwa storja li tiġġedded f’kull kultura, f’kull ambjent. It‑tokki tal‑knisja jistednuna biex aħna u nersqu lejn il‑Mulej ma ninsewx li l‑Milied mhuwiex biss storja tal‑imgħoddi imma messaġġ attwali għal‑lum.
Fil‑presepju Naplitan ħafna personaġġi huma mlibbsin bil‑kostumi kontemporanji ta’ meta sar il‑presepju. Imma l‑figuri importanti ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi jfakkruna li dan l‑avveniment antik għandu messaġġ frisk: il‑Mulej jixtieq jinżel fir‑realtà tagħna kif inhi u jasal fostna u fil‑qalb tagħna bil‑ħniena, bil‑faraġ u bil‑konsolazzjoni tiegħu.
Jekk wieħed jinnota sew, il‑ġgajta personaġġi li hemm fil‑wied tal‑presepju Naplitan qiegħda medhija bix‑xogħol tagħha, bid‑divertiment tagħha, b’dak kollu li qiegħda tagħmel. Ftit hemm personaġġi jħarsu lejn il‑maxtura ta’ Ġesù. Ħafna drabi din il‑ħaġa tiġri wkoll fil‑kultura tagħna, fil‑ħajja tagħna. Il‑Milied jiġi u jgħaddi imma donnu Ġesù ma jkunx ġie.
Jiena nawgura li fil‑ħajja tiegħi u tagħkom dan il‑Milied ikun ifisser li Ġesù jidħol tassew fil‑qalb tagħna bil‑faraġ tiegħu imma anke bil‑kelma għażiża tiegħu. Hu jistedinna biex naħfru lil xulxin, inħobbu iżjed lil xulxin, naraw il‑preżenza tiegħu f’ħutna, b’mod speċjali dawk ħutna li għandhom bżonn speċjali tal‑imħabba u l-attenzjoni tagħna.
Żewġ figuri oħra tant importanti fil-presepju Naplitan huma ta’ San Gejtanu u San Ġorġ Preca. San Gejtanu kien dak li f’Napli insista ħafna li jkun hemm il‑presepji b’tifkira tat‑twelid ta’ Ġesù; għax wara kollox, il‑Milied mingħajr il‑presepju, mingħajr il‑Bambin, xi jkun? Ikun Milied vojt.
San Gejtanu kien bniedem ta’ qdusija konkreta. Meta wasal Napli u ra l‑pjaga tal‑użura, ħoloq il‑Banco di Napoli li kien jgħin lin‑nies joħorġu mill‑pjaga tal‑użura. Qabel mar Napli kien Venezja, fejn kien hemm mard jittieħed u ħafna żgħażaġħ kienu mitluqa għall‑mewt mingħajr ħadd ma jieħu ħsiebhom. San Gejtanu għamel sptarijiet apposta – l’ospedali degli incurabili – għax dan il‑mard li kien jiġi trasmess b’mod sesswali ma kellux kura għalih. Donnu qegħdin nerġgħu ngħixu f’dawn iż‑żminijiet; għad għandna bżonn qaddisin bħal San Gejtanu li 500 sena ilu, fl‑1517, kellu esperjenza mistika fil‑Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma, u l‑Familja Mqaddsa f’din l‑esperjenza mistika stednitu biex hu jilqa’ lil Ġesù bħala l‑faraġ u l‑konsolazzjoni tiegħu. U din hija xewqa li l‑Mulej jixtieq ukoll iwassal lilna f’dan il‑Milied.
It-tieni figura importanti f’dan il-presepju Naplitan hija dik ta’ San Ġorġ Preca, li Mons. Edgar Vella introduċa dan il-Milied. San Ġorġ huwa qaddis qrib tagħna, li xerred ħafna devozzjoni lejn il‑Verbum Dei, lejn il‑purċissjoni bil‑Bambin, u fuq kollox wassal il‑kelma ta’ Ġesù fil‑familji tagħna, fost iż‑żgħażagħ tagħna.
Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna, mill‑qaddisin nirrealizzaw u nifhmu li tkun Nisrani hi xi ħaġa konkreta, hija xi ħaġa possibbli. Dan il‑Milied, il‑Mulej qed jistiednek tersaq lejn il‑qrar, lejn il‑Knisja, lejn it‑tqarbin, lejn il‑Quddies. Kemm tkun verament ħaġa sabiħa li aħna u medhijin bil‑festivitajiet, bil‑parties, bil‑viżta wieħed lill‑ieħor, ikollna wkoll iċ‑ċans nifhmu li dawn il‑festi kollha huma dwar persuna, dwar il‑Mulej Ġesù, u nagħtuh ukoll iċ-ċans biex hu jfarraġna u aħna nawgurawlu l‑Milied it‑tajjeb. Jiena wkoll, mill‑qalb nawgura lilkom, għeżież Maltin u Għawdxin, il‑Milied it‑tajjeb mimli risq u barka.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta