Ħuti għeżież!

Waqt li qed infakkru l-Jum Internazzjonali tagħkom, nixtieq nindirizza direttament lilkom kollha li tgħixu b’kull għamla ta’ diżabilità biex ngħidilkom li l-Knisja tħobbkom, u għandha bżonnkom għat-twettieq tal-missjoni tagħha fis-servizz tal-Vanġelu.

Ġesù, il-ħabib tagħna

Ġesù huwa l-ħabib tagħna! Hekk qal lid-dixxipli tiegħu fl-Aħħar Ċena (ara Ġw. 15:14). Kliemu huwa indirizzat lilna wkoll; jitfa’ dawl fuq il-misteru tar-relazzjoni mill-qrib tagħna miegħu bħala membri tal-Knisja tiegħu. “Il-ħbiberija ma’ Ġesù għandha tkun dejjiema. Huwa ma jħallina qatt, avolja xi drabi jidher li jżomm sieket. Meta nkun neħtieġuh, huwa juru ruħu lilna; jibqa’ ma ġenbna kull fejn immorru.” (Christus Vivit, 154) Aħna l-insara rċivejna rigal; aċċess għall-qalb ta’ Ġesù u ħbiberija miegħu. Għalina huwa privileġġ u barka, u ssir il-vokazzjoni tagħna; aħna msejħa biex inkunu ħbieb ma’ Ġesù!

Li jkollna lil Ġesù bħala ħabib hija konsolazzjoni kbira. Tista’ tbiddel lil kull wieħed u waħda minna f’dixxiplu grat u ferrieħi, li kapaċi juri li d-dgħufija tagħna mhijiex ostaklu biex ngħixu u nxandru l-vanġelu. Fil-fatt, ħbiberija ta’ fiduċja u personali ma’ Ġesù tista’ sservi bħala ċ-ċavetta spiritwali biex naċċettaw il-limitazzjonijiet li kollha kemm aħna għandna u b’hekk nistgħu nkunu f’paċi magħhom. Bis-saħħa t’hekk nistgħu niksbu l-ferħ li, “jimla qlubna u ħajjitna” (Evangelii Gaudium, 1), għax, kif kien kiteb osservatur kbir, ħbiberija ma’ Ġesù hija, “ġamra li tkebbes in-nar tal-entużjażmu”.

Il-Knisja hija darkom

Il-Magħmudija tagħmel lil kull wieħed u waħda minna, membri sħaħ tal-komunità tal-Knisja, biex b’hekk aħna kollha, mingħajr esklużjoni jew diskriminazzjoni, inkunu nistgħu ngħidu: “Jiena Knisja!” Il-Knisja hija tassew darek! Aħna, ilkoll kemm aħna flimkien, aħna Knisja, għax Ġesù għażel li jkun il-ħabib tagħna. Il-Knisja – u din hija xi ħaġa li għandna bżonn nitgħallmu aktar u aktar fil-proċess sinodali li bdejna – “mhijiex komunità ta’ nies perfetti imma komunità ta’ dixxipli fi vjaġġ, li jimxu wara l-Mulej għax jafu li huma midinba u jeħtieġu l-maħfra tiegħu” (Katekeżi, 13 ta’ April 2016). F’dan il-poplu li, immexxi mill-kelma ta’ Alla, javvanza qalb il-ġrajjiet tal-istorja, “kulħadd għandu parti x’jaqdi; ħadd mhuwa sempliċi riserva”, (Diskors lill-Fidili ta’ Ruma, 18 ta’ Settembru 2021). Għal din ir-raġuni, kull wieħed minnkom huwa wkoll imsejjaħ biex jagħti l-kontribut tiegħu fil-mixja sinodali. Jiena konvint li jekk verament isir “proċess ekkleżjali parteċipattiv u inklussiv”, il-komunità ekkleżjali tistana ġenwinament. 

Jiddispjaċini ngħid, li sal-lum bosta minnkom, “huma trattati bħala barranin fis-soċjetà”; tistgħu “tħossukom qed tgħixu bla ma tappartjenu u tipparteċipaw” u li “għad hemm ħafna affarijiet, “li qed iċaħħdukom miċ-ċittadinanza sħiħa tagħkom”. (Fratelli Tutti[FMM1] , 98). Id-diskriminazzjoni qed tibqa’ turi wiċċha bil-kbir f’diversi livelli tas-soċjetà; tinqeda bil-preġudizzju, l-injoranza u b’kultura li ssibha bi tqila tapprezza l-valur li ma jitkejjilx ta’ kull persuna. Partikolarment, it-tendenza li għadha magħna li tqis id-diżabiltajiet – li huma riżultat ta’ taħlita bejn ostakli soċjali u l-limitazzjonijiet ta’ kull persuna – bħallikieku kienu xi forma ta’ marda, jikkontribwixxu biex ħajjitkom jibqgħu separati u jistigmatizzawkom.

Sa fejn għandha x’taqsam il-ħajja tal-Knisja, “l-agħar forma ta’ diskriminazzjoni … hija n-nuqqas ta’ kura spiritwali” (Evangelii Gaudium, 200). Kultant, kif xi wħud minnkom sfortunatament esperjenzaw, din ħadet il-forma tar-rifjut mill-aċċess għas-sagramenti. Il-Maġisterju tal-Knisja huwa ċar daqs il-kristall f’dan il-qasam u dan l-aħħar id-Direttorju tal-Katekeżi stqarr espliċitament li, “ħadd ma jista’ jiċħad is-sagramenti lill-persuni b’diżabiltà” (Nru 272). Meta nesperjenzaw din l-għamla ta’ diskriminazzjoni, hija preċiżament il-ħbiberija tagħna ma’ Ġesù,  li kollha kemm aħna rċevejna bħala rigal mhux meritat, li teħlisna u tgħinna biex nirrealiżżaw li d-differenzi huma teżor. Għax Ġesù ma jsejħilniex qaddejja, nisa u rġiel b’inqas dinjità, imma ħbieb: ħbieb ta’ ġewwa li jixirqilna nkunu nafu dak kollu li hu rċieva mingħand il-Missier (ara Ġw. 15:15)

Fi żminijiet ta’ tbatija

Il-ħbiberija ta’ Ġesù tipproteġina f’mumenti ta’ diffikultà. Jiena naf sew li l-pandemija COVID-19, li minnha qed nitħabtu biex noħorġu, qed tkompli timponi riperkussjonijiet gravi fuq il-ħajjiet ta’ bosta minnkom. Naħseb, pereżempju, fikom li qed tiġu sfurzati tibqgħu d-dar għal perjodi twal; id-diffikultà esperjenzata minn ħafna studenti b’diżabiltà fl-aċċess għal għajnuniet ta’ tagħlim mill-bogħod; l-interruzzjoni fit-tul ta’ servizzi ta’ kura soċjali f’għadd mhux żgħir ta’ pajjiżi, u bosta tbatijiet oħra li kellkom tħabbtu wiċċkom magħhom. Fuq kollox, naħseb fikom li tgħixu f’faċilitajiet residenzjali u l-weġgħat ta’ separazzjoni sfurzata mill-għeżież tagħkom. F’dawk il-postijiet, il-virus kien aħrax u, minkejja d-dedikazzjoni tal-carers, swiet il-ħajja ta’ bosta u bosta nies. Kunu afu li l-Papa u l-Knisja huma qrib tagħkom bi mmħabba u affezzjoni.

Il-Knisja tieqaf ma’ dawk minnkom li għadkom titqabdu mal-Coronavirus. Bħal dejjem, il-Knisja tinsisti li kulħadd ikun ikkurat u li diżabiltà m’għandhiexiċaħħad l-aċċess għall-aħjar kura disponibbli. F’dan ir-rigward, xi Konferenzi Episkopali, bħal dawk tal-Ingilterra, Wales u l-Istati Uniti diġà intervenew biex jinsistu fuq id-dritt ta’ kulħadd għall-kura medika mingħajr diskriminazzjoni.

Il-Vanġelu hu għal kulħadd 

Il-vokazzjoni tagħna tinbet mill-ħbiberija tagħna mal-Mulej. Hu għażilna biex nagħtu l-frott, frott illi jibqa’ (ara Ġw. 15:16). Bħad-dielja vera, irid li kull fergħa magħquda miegħu tagħti l-frott. Iva, Ġesù jridna niksbu, ”l-hena li għaliha ġejna maħluqin. Hu jridna qaddisin u jistenna minna li ma nikkuntentawx ruħna b’ħajja ta’ nofs kedda u medjokri, imxejna, inkonsistenti.” (Gaudete et Exsultate. 1)

Il-Vanġelu hu għalikom ukoll! Il-messaġġ tiegħu huwa indirizzat lil kulħadd; huwa kelma ta’ konsolazzjoni u, fl-istess ħin, sejħa għall-konverżjoni. Il-Koncilju Vatikan II, waqt li jitkellem dwar is-sejħa universali għall-qdusija, jgħallem li, “il-fidili kollha ta’ kull stat u ta’ kull grad ta’ ħajja, huma msejħin għall-milja tal-ħajja nisranija u għall-perfezzjoni tal-karità… Biex jilħqu din il-perfezzjoni l-fidili għandhom jużaw il-forzi kollha li għandhom, kull wieħed skont il-qies li rċieva minn Kristu … Għandhom jagħtu ruħhom bil-qalb għall-glorja ta’ Alla u l-qadi tal-proxxmu (Lumen Gentium, 40).

Il-Vangeli juru li kull meta persuni b’diżabiltà ltaqgħu ma’ Ġesù ħajjithom inbidlet għal kollox u saru xhieda tiegħu. Hekk kien il-każ, pereżempju[FMM2] , tar-raġel għama mit-twelid li, wara li Ġesù fejqu, iddikjara bil-kuraġġ kollu ma’ kulħadd li Ġesù kien profeta (Ġw. 9:17). Bosta oħrajn ipproklamaw bil-qalb dak kollu li għamel magħhom il-Mulej.

Jiena naf li wħud minnkom jgħixu f’sitwazzjonijiet xejn faċli. Irrid inkellem personalment lil kull wieħed minnkom u nitlob li, jekk hu meħtieġ, il-membri tal-familja tagħkom jew dawk l-aktar qrib tagħkom jaqrawlkom dak li qed ngħid jew iwasslulkom l-appell tiegħi. Nitlobkom titolbu. Il-Mulej jisma’ b’attenzjoni t-talb ta’ dawk li jemmnu fih. Ħadd ma jista’ jgħid, “Ma nafx nitlob” għax kif l-Appostlu Pawlu jgħid, “l-Ispirtu jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem” (Rum. 8:26).” Fil-Vanġeli, Ġesù dejjem jisma’ lil dawk li jduru lejh, anke jekk xi ftit indeċiżi, anke b’sinjal żgħir jew karba għall-għajnuna. It-talb huwa missjoni, missjoni aċċessibbli għal kulħadd, u nixtieq ngħaddi dik il-missjoni b’mod partikolari lilkom. M’hemm ħadd daqstant batut li ma jistax jew ma tistax titlob, tqim il-Mulej, tagħti glorja lill-Isem qaddis tiegħu u tinterċedi miegħu għas-salvazzjoni tad-dinja. Quddiem dak li jista’ kollox nibdew nirrealizzaw li aħna lkoll indaqs.

Ħuti għeżież, illum it-talb tagħkom huwa aktar urġenti minn qatt qabel. Santa Tereża ta’ Avila kitbet li, “fi żminijiet diffiċli, il-ħbieb ta’ Alla jeħtieġ li jkunu qawwija biex ikunu jistgħu jissapportjaw lil dawk li huma dgħajfa”. Dan iż-żmien tal-pandemija uriena biċ-ċar li aħna kollha dgħajfa u vulnerabbli: “Irrealizzajna li aħna kollha fuq l-istess dgħajsa, fraġli u diżorjentati, imma fl-istess waqt importanti u bżonnjużi; aħna kollha msejħin biex naqdfu flimkien”. Il-meżż ewlieni biex nagħmlu dan huwa preċiżament bit-talb. Din hija xi ħaġa li kollha kemm aħna nistgħu nagħmlu u anke jekk, bħal Mosè, jkollna bżonn l-appoġġ, aħna fiduċjużi li l-Mulej jisma’ l-karba tagħna.

Lilkom ilkoll nibgħatilkom tislijiet ta’ talb u xewqat sbieħ. Il-Mulej iberikkhom u l-Madonna tħariskom dejjem.

Franġisku

Ruma, San Giovanni Lateran, l-20 ta’ Novembru 2021

Maqlub għall-Malti minn Victor Formosa