• Il-Kelma hi don. Il-persuna l-oħra hi don.

  • Għeżież ħuti,

    Ir-Randan hu bidu ġdid, triq li twassal lejn destinazzjoni żgura: l-Għid tal-Qawmien, ir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt. U dan iż-żmien dejjem jagħmlilna stedina qawwija għall-konverżjoni: in-Nisrani msejjaħ jerġa’ lura lejn Alla “b’qalbu kollha” (Ġoel 2:12), biex ma jikkuntentax b’ħajja medjokri, imma jikber fil-ħbiberija tiegħu mal-Mulej. Ġesù hu l-ħabib fidil li ma jitlaqna qatt, għax, anki meta nidinbu, jistenna bis-sabar li nerġgħu lura għandu u, b’din l-istennija, hu juri kemm jixtieq jaħfrilna (ara Omelija fil-Quddiesa, 8 ta’ Jannar 2016).

    Ir-Randan hu ż-żmien it-tajjeb biex ninżlu iktar fil-fond tal-ħajja tal-ispirtu permezz tal-mezzi qaddisa li toffrilna l-Knisja: is-sawm, it-talb u l-karità. Fil-bażi ta’ dan kollu hemm il-Kelma ta’ Alla, li f’dan iż-żmien aħna mistiedna nisimgħu u nimmeditaw iktar ta’ spiss. B’mod partikulari, hawn nixtieq nieqaf fuq il-parabbola tar-raġel għani u tal-fqajjar Lazzru (ara Lq 16:19-31). Inħallu tnebbaħna din il-paġna hekk sinifikattiva, li toffrilna l-muftieħ biex nifhmu kif għandna nagħmlu biex nilħqu l-veru hena u l-ħajja ta’ dejjem, billi ssejħilna għal konverżjoni sinċiera.

    Il-persuna l-oħra hi don

    Il-parabbola tiftaħ billi tippreżentalna ż-żewġ persunaġġi prinċipali, imma hu l-fqir li l-iżjed insibuh imfisser b’mod dettaljat: hu sab ruħu f’qagħda ta’ qtigħ il-qalb u m’għandux il-qawwa li jerġa’ jqum fuq saqajh, mixħut ħdejn il-bieb tal-għani jiekol il-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda tiegħu, għandu ġismu kollu ġrieħi u l-klieb jiġu jilagħquhom (ara vv. 20-21). Għalhekk dan hu kwadru mudlam, u l-bniedem jinsab mixħut fl-għaks u umiljat.

    Ix-xena ssir iżjed drammatika meta tqis li l-fqir jismu Lazzru: isem mimli wegħdiet, li litteralment ifisser “Alla jgħin”. Għalhekk dan il-persunaġġ mhuwiex anonimu, għandu karatteristiċi preċiżi ħafna u nilmħu fih individwu li miegħu nistgħu nassoċjaw l-istorja personali tagħna. Waqt li f’għajnejn l-għani hu bħal donnu ma jidhirx, għalina jsir magħruf u kważi familjari, isir wiċċ li nistgħu naraw; u bħala tali, don, għana bla qies, essri mixtieq, maħbub minn Alla li jiftakar fih, imqar jekk il-qagħda konkreta tiegħu hi dik ta’ xi ħadd mormi mill-bnedmin (ara Omelija fil-Quddiesa, 8 ta’ Jannar 2016).

    Lazzru jgħallimna li l-persuna l-oħra hi don. Ir-relazzjoni t-tajba mal-persuni tikkonsisti f’li nagħrfu bi gratitudni l-valur tagħhom. Anki l-fqir fuq l-għatba tal-għani mhux xi żgombru li jdejjaqna, imma sejħa għall-konverżjoni u għall-bidla f’ħajjitna. L-ewwel stedina li tagħmlilna din il-parabbola hi biex niftħu l-bieb ta’ qalbna għall-oħrajn, għax kull persuna hi don, kemm min hu qrib tagħna u kemm il-fqir li ma nafux. Ir-Randan hu ż-żmien it-tajjeb biex niftħu l-bieb tagħna għal kull min hu fil-bżonn u nagħrfu fih jew fiha l-wiċċ ta’ Kristu. Kull wieħed u waħda minna jiltaqa’ ma’ dawn fil-mixja tiegħu. Kull ħajja li niltaqgħu magħha hi don u allura jixirqilha min jilqagħha, jirrispettaha, iħobbha. Il-Kelma ta’ Alla tgħinna niftħu għajnejna biex nilqgħu l-ħajja u nħobbuha, fuq kollox meta hi dgħajfa. Imma biex nistgħu nagħmlu dan hemm bżonn nieħdu bis-serjetà wkoll dak li jurina l-Vanġelu dwar ir-raġel għani.

    Id-dnub jagħmina

    Il-parabbola tikxef b’mod iebes il-ħażen tal-għani (ara v. 19). Dan il-persunaġġ, bil-maqlub tal-fqajjar Lazzru, m’għandux isem, jissejjaħ biss “għani”. L-għana tiegħu jidher fil-ħwejjeġ li jilbes, fil-lussu esaġerat. Il-porpra fil-fatt kienet drapp ta’ preġju kbir, iktar mill-fidda u d-deheb, u għalhekk kienet tinżamm biss għad-divinitajiet (ara Ġer 10:9) u għas-slaten (ara Mħ 8:26). L-għażel kien drapp speċjali li jagħti dehra ta’ karattru kważi sagru. Mela l-għana ta’ dan il-bniedem hu bla qies, anki għax jurih ta’ kuljum, b’mod ta’ drawwa: “l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar” (v. 19). Fih wieħed jista’ jilmaħ kważi traġikament il-qerq tad-dnub, li jseħħ fi tliet mumenti wara xulxin: iħobb il-flus, il-vanità u s-suppervja (ara Omelija fil-Quddiesa, 20 ta’ Settembru 2013). 

    Jgħidilna l-Appostlu Pawlu li “r-regħba għall-flus hi l-għerq ta’ kull ħażen” (1 Tim 6:10). Hi l-ewwel raġuni tal-korruzzjoni u għajn ta’ għira, tilwim u suspetti. Il-flus jistgħu jitilgħu fuq rasna, hekk li jsiru idolu aħrax (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 55). Flok ikunu strument għall-qadi tagħna biex nagħmlu l-ġid u nħaddmu s-solidarjetà mal-oħrajn, il-flus jistgħu jjassru kemm lilna u kemm lid-dinja kollha taħt loġika egoistika li ma tħallix wisa’ għall-imħabba u xxekkel is-sliem.

    Il-parabbola mbagħad turina li r-regħba tal-għani tagħmlu vanituż. Il-personalità tiegħu jwettaqha fid-dehra minn barra, f’li juri lill-oħrajn sa fejn kapaċi jasal b’li għandu. Imma d-dehra taħbi taħt maskra l-vojt li hemm ġewwa. Ħajtu hi ħabs ta’ dak li jidher minn barra, tad-dimensjoni iżjed superfiċjali u li ttir mar-riħ ta’ din il-ħajja (ara ibid., 62).

    It-tarġa ta’ isfel nett ta’ dan il-livell morali hekk baxx hi s-suppervja. Ir-raġel għani jilbes qisu kien sultan, jipprova jikkopja kif iġib ruħu alla, u jinsa li hu sempliċement bniedem tad-demm u l-laħam. Għall-bniedem li safa korrott mill-ġibda għall-għana ma jeżisti xejn iżjed ħlief il-jien tiegħu, u għalhekk dawk li hemm madwaru ma jidħlux taħt il-ħarsa tiegħu. Il-frott tar-rabta żjeda mal-flus għalhekk hu xorta ta’ għama: l-għani ma jarahx lill-fqir imġewwaħ, kollu ġrieħi u mixħut fl-umiljazzjoni tiegħu.

    Meta nħarsu lejn dan il-persunaġġ, nifhmu għaliex il-Vanġelu hu hekk ċar fil-kundanna tal-kilba għall-flus: “Ħadd ma jista’ jaqdi żewġ sidien; għax jew ikun jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus” (Mt 6:24).

    Il-Kelma hi don

    Il-Vanġelu tal-għani u ta’ Lazzru l-fqir tgħinna nitħejjew tajjeb għall-Għid li qed joqrob. Il-liturġija tal-Erbgħa tar-Rmied tistedinna ngħixu esperjenza simili għal dik li b’mod traġiku ħafna jgħaddi minnha l-għani. Is-saċerdot, meta jixħet l-irmied fuq rasna, itenni l-kliem: “Ftakar li trab kont u trab terġa’ ssir”. Fil-fatt l-għani u l-fqir it-tnejn imutu u l-parti prinċipali tal-parabbola sseħħ fil-ħajja l-oħra. Iż-żewġ persunaġġi f’daqqa waħda jiskopru li “aħna xejn ma ġibna fid-dinja, u xejn ma nistgħu nieħdu magħna” (1 Tim 6:7).

    Anki l-ħarsa tagħna tinfetaħ lejn il-ħajja l-oħra, fejn l-għani jkollu djalogu twil ma’ Abraham, li jsejjaħlu “missier” (Lq 16:24,27), biex juri li hu jagħmel parti mill-poplu ta’ Alla. Dan id-dettall jagħmel il-ħajja tiegħu iżjed kontradittorja, għax sa issa ma kien għadu ntqal xejn fuq ir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla. Fil-fatt, f’ħajtu ma kienx hemm post għal Alla, għax l-uniku alla tiegħu kien hu nnifsu.

    Hu biss meta jsib ruħu tturmentat fil-ħajja l-oħra li l-għani jagħraf lil Lazzru u jixtieq lill-fqir itaffilu xi naqra mit-tbatijiet tiegħu bi ftit ilma. Il-ġesti li jitlob lil Lazzru jixbhu lil dawk li seta’ jagħmel l-għani u li baqa’ qatt ma għamel. Imma Abraham jispjegalu: “Ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati” (v. 25). Fil-ħajja l-oħra titreġġa’ lura ċerta ekwità u l-ħażen ta’ din il-ħajja jiġi bbilanċjat bit-tajjeb.

    Il-parabbola titwal u hekk tippreżenta messaġġ għall-Insara kollha. Fil-fatt l-għani, li għad għandu ħutu ħajjin, jitlob lil Abraham jibgħat lil Lazzru għandhom biex iwissihom; imma Abraham iwieġbu: “Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom” (v. 29). U quddiem l-oġġezzjoni li jġiblu l-għani, iżid: “Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu” (v. 31).

    Hekk toħroġ il-vera problema tal-għani: l-għerq tal-ħażen tiegħu hu li ma jagħtix widen għall-Kelma ta’ Alla; dan wasslu biex ma jibqax iħobb iżjed lil Alla u hekk jistkerrah lill-proxxmu. Il-Kelma ta’ Alla hi qawwa ħajja, li kapaċi tqanqal għall-konverżjoni fil-qalb tal-bnedmin u turihom mill-ġdid il-persuna ta’ Alla. Jekk nagħlqu qalbna għad-don ta’ Alla li jitkellem, dan iġib miegħu l-għeluq tal-qalb għad-don tal-aħwa.

    Għeżież ħuti, ir-Randan hu ż-żmien it-tajjeb biex niġġeddu fil-laqgħa tagħna ma’ Kristu ħaj fil-Kelma tiegħu, fis-Sagramenti u fil-proxxmu. Il-Mulej – li fl-erbgħin jum fid-deżert rebaħ il-qerq tat-Tentatur – jurina t-triq li fiha għandna nimxu. L-Ispirtu s-Santu jmexxina lejn it-triq vera tal-konverżjoni, biex niskopru mill-ġdid id-don tal-Kelma ta’ Alla, nissaffew mid-dnub li jagħmina u naqdu lil Kristu preżenti f’ħutna fil-bżonn. Inħeġġeġ lill-fidili kollha jesprimu dan it-tiġdid spiritwali anki billi jieħdu sehem fil-Kampanji tar-Randan li ħafna għaqdiet tal-Knisja, f’ħafna rkejjen tad-dinja, jippromovu biex iseddqu l-kultura tal-laqgħa fi ħdan il-familja waħda tal-bnedmin. Nitolbu għal xulxin biex, bis-sehem tagħna fir-rebħa ta’ Kristu, nagħrfu niftħu l-bibien tagħna għad-dgħajjef u għall-fqir. Hekk inkunu nistgħu ngħixu u nagħtu xhieda sħiħa tal-ferħ tal-Għid.

    IL-PAPA FRANĠISKU

    Mill-Vatikan, 18 ta’ Ottubru 2016

    Festa ta’ San Luqa l-Evanġelista

     

    Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard.