Il-Papa Benedittu XVI se jkun qed iżur il-Messiku bejn it-23 u s-26 ta’ dan ix-xahar ta’ Marzu. Din se tkun l-ewwel żjara tiegħu f’dan il-pajjiż, li l-predeċessur tiegħu, Papa Ġwanni Pawlu II, żar ħames darbiet. Din iż-żjara se tkun l-ewwel parti minn mawra f’żewġ pajjiżi tal-Amerika Latina.Wara li jħalli l-Messiku, l-Papa se jżur Kuba għal tliet ijiem.
In-Nunzju Appostoliku għall-Messiku, l-Arċisqof Christophe Pierre, qal li l-poplu tal-pajjiż qed jistenna ż-żjara bl-ikbar ħerqa.
“Jidhirli li ż-żjara ta’ Benedittu XVI fil-Messiku hi għall-maġġoranza tal-poplu bħala sinjal profond ta’ tama”, qal lil Radju Vatikan. “Il-poplu Messikan hu reliġjuż ħafna, b’esperjenza qawwija ta’ Alla u ta’ ommu Marija – esperjenza kattolika parti mill-ħajja tal-istess poplu li qed iħares lejn il-Papa bħala l-messaġġier tal-fidi, tat-tama u tal-paċi”, issokta.
Fi kliemu, “illum iktar minn qabel, meta fil-Messiku qed tingħex esperjenza diffiċli f’termini ta’ vjolenza u faqar, iż-żjara tal-Papa għandha tgħin biex f’dawn l-esperjenzi diffiċli tkun irrinforzata l-fidi f’Ġesu u fil-Knisja tiegħu”.