F’messaġġ fl-aħħar jiem il-Papa Benedittu XVI qal li l-mezzi moderni tal-media għandhom “potenzjal straordinarju” biex iwasslu l-messaġġ ta’ Kristu lil aktar u aktar nies. Fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, il-Papa wassal it-tislijiet lil dawk li kienu qed jieħdu sehem fil-Konvenzjoni Kattolika tal-Media fi New Orleans. It-tema tal-Konvenzjoni , sponsorjata mill-Assoċjazzjoni Kattolika tal-Press fl-Istati Uniti u l-Kanada, kienet iffukata fuq it-tixrid tal-Bxara t-Tajba.
Il-Papa qal li din it-tema “tenfasizza l-potenzjal straordinarju tal-media l-ġdida biex il-messaġġ ta’ Kristu u t-tagħlim tal-Knisja jinġiebu għall-attenzjoni ta’ kulħadd. Huwa kompla jindirizza lill-parteċipanti u qal li “biex il-missjoni tagħkom tkun verament effettiva u biex il-kelma tagħkom tmiss il-qlub, hu meħtieġ li tidħlu fil-ħajja tagħhom u tattirawhom biex ikunu ta’ xhieda għall-grazzja t’Alla”. Il-Papa esprima t-tama li l-parteċipanti f’din il-Konvenzjoni sabiex ikomplu jiġġeddu fl-entużjażmu tagħhom lejn il-vanġelu.
Fl-aħħarnett il-Papa stieden lill-preżenti sabiex jingħaqdu miegħu fil-vjaġġ pastorali lejn Ċipru permezz tat-talb sabiex jinħasad il-frott spiritwali mixtieq minn din iż-żjara għall-ġid tal-komunitajiet insara ta’ Lvant Nofsani.