-
-
L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
-
Il-Knisja ta’ San Duminku, ir-Rabat
20 ta’ Novembru 2018Tomáš Halik, saċerdot u teologu mir-Repubblika Ċeka li għadu kif kien fostna Malta għall-ftuħ ta’ konferenza internazzjonali tal-Fakultà tat-Teoloġija kif ukoll għall-konferenza ta’ DISCERN, għandu ktieb jismu Patience with God. The Story of Zacchaeus Continuing in us. F’dal-ktieb, hu jsejjaħ lil Żakkew bħala ‘patron and protector of the eternal seekers’ u jgħid kemm l-istorja ta’ Żakkew għandha ħafna x’tgħidilna llum, speċjalment lil dawk li jgħixu fiż-żona tal-mistoqsijiet u d-dubji.
Nixtieq li nħarsu lejn din l-istorja ta’ Żakkew u nirriflettu fuq dawn it-tlieta: Żakkew, il-folla, u Ġesù.
Żakkew
F’ċertu sens, Żakkew kien bniedem fil-periferija tas-soċjetà, mistmerr min-nies. Kien jaqdi lill-barrani. Il-Papa Franġisku, f’riflessjoni li kien għamel erba’ snin ilu (18 ta’ Novembru 2014) jgħid li Żakkew kien bniedem li jaf x’jiġifieri l-ħażen. Imma x-xrara li kellu f’qalbu ġegħlitu jfittex. Ma kienx bħal dawk li jissemmmew fil-qari tal-Apokalissi llum – biered, la kiesaħ u lanqas sħun. Anzi kien determinat. Skont il-Papa Franġisku din id-determinazzjoni li jara lil Ġesù ġegħlitu jkun ukoll ftit redikolu li jitla’ ma’ siġra biex jarah, imma hekk għamel biex jirnexxielu jara lil Ġesù.
Żakkew jurina kemm hu importanti li f’ħajjitna nfittxu b’rieda soda lil dak li jista’ jimla lil qalbna qalb il-mistoqsijiet u d-dubji tal-ħajja.
Il-folla
Ħa nħarsu lejn il-folla li kienet miexja ma’ Ġesù. Kien minħabba din il-folla li Żakkew ma setax jara lil Ġesù. Għalih kienet ostaklu u kellu jinqala’ minnha biex jara lil Ġesù. Imma, kif naraw aktar ’il quddiem, il-folla kienet ukoll ta’ ostaklu għal Ġesù. Kienet ixxukkjata b’dak li għamel Ġesù u bdew igemgmu bejniethom, jiddiżapprovaw, u jgħidu li daħal jistrieħ għand wieħed midneb.
Irridu dejjem noqogħdu attenti mill-folla, jiġifieri minn x’jaħsbu l-oħrajn, forsi wkoll x’jaħsbu l-parti l-kbira tan-nies. Kultant il-folla tikkundizzjonana, iġġegħelna nimxu fi triq żbaljata, iċċajprilna l-viżjoni tagħna, ma tħalliniex naraw ċar dak li l-Ispirtu qed jgħidilna. Irridu kultant ninqalgħu mill-folla biex naraw ċar.
ĠesùInħarsu lejn Ġesù li ġie jfittex in-nagħġa l-mitlufa, bħalma hu spjegat fl-aħħar tar-rakkont: “Bin il-bniedem ġie biex ifittex u jsalva l-mitluf” (Luqa 19:10). Hu waqt il-mixja tiegħu lejn Ġerusalemm li Ġesù jidħol fil-belt ta’ Ġeriko, li hija l-aħħar tarġa mill-vjaġġ li jiġbor fih it-tifsira tal-ħajja kollha ta’ Ġesù, iddedikata għat-tfittxija u għas-salvazzjoni tan-nagħaġ il-mitlufa mid-dar ta’ Iżrael.
F’din il-ġrajja iseħħ dak li naqraw fil-ktieb tal-Apokalissi: “Ara jien … qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi.” (Apok 3:21)
Tolqotna l-attenzjoni personali ta’ Ġesù. Għalih kull persuna hi importanti. Bħalma individwa lil Żakkew minn qalb il-folla hekk ukoll jagħmel magħna. U Ġesù, meta jħares lejna, ma jarax biss min aħna, imma wkoll il-potenzjal li għandna biex insiru aħjar.
Il-bidla frott tal-laqgħaX’seħħ meta mbagħad iltaqgħu flimkien Ġesù u Żakkew? Seħħet laqgħa sabiħa li ġabet bidla f’Żakkew, bidla radikali. U l-effetti narawhom mid-deċiżjonijiet li Żakkew ħa wara li ltaqa’ miegħu: minn bniedem jaħseb biss fih innifsu, mill-ewwel ħaseb fl-oħrajn, kemm dawk fil-bżonn kif ukoll dawk li batew minħabba l-qerq tiegħu. Minn bniedem li jiġbed lejh, sar bniedem ġeneruż. Għalhekk Ġesù jgħid li fid-dar daħlet is-salvazzjoni.
Il-laqgħa ta’ Żakkew ma’ Ġesù tfisser ħafna. Il-mument li Żakkew ifittex lil Ġesù, jintebaħ li Ġesù kien diġà qed ifittxu hu. Il-ħarsa kollha mħabba ta’ Ġesù tgħin lil Żakkew biex ibiddel ħarstu, il-mod kif iħares lejn l-oħrajn. Dawn mhumiex aktar mezzi għall-gwadann tiegħu personali.
Hi bidla radikali. F’din il-bidla naraw l-implikazzjonijiet soċjali tal-fidi. Iġġib ħajjitna dejjem għall-aħjar; iġġib bidla fina li biha ngawdu aħna, għax inkunu aktar ferħanin u fil-paċi, u jgawdu l-oħrajn ta’ madwarna. Għalhekk jiswa li nħalluh jibdilna. U li nsiru xhieda ta’ din il-bidla li jġib fina. Kultant irridu ninqalgħu minn mal-folla, biex għajnejna jistgħu jiltaqgħu ma’ ta’ Ġesù u hu jġib bidla għall-aħjar f’ħajjitna.
TalbaL-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali għandu din il-missjoni fil-Knisja f’Malta li qed jaqdi b’mod sabiħ ħafna: li filwaqt li jgħin lill-Knisja tagħraf dak li l-Ispirtu qed jgħidilha, jagħti lil dawk li jiġu għall-korsijiet esperjenza bħal ta’ Żakkew. Jgħinhom ifittxu lil Ġesù bħal Żakkew, iħallu lil Ġesù jiltaqa’ magħhom, u din l-esperjenza tkun tfisser bidla li ġġib ħajja awtentika u miftuħa għall-oħrajn. Nitolbu lill-Mulej biex ibierek lil kull wieħed u waħda minna hawnhekk u lill-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali biex il-ħidma tiegħu tħalli ħafna frott.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju -
Qari tal-Quddiesa:Qari I: Apok 3:1-6.14-22
Salm: 14 (15)
Evanġelju: Lq 19:1-10 -
-
-
-
-
-
-