-
Il-Moviment ta’ Kana huwa sensittiv għax-xewqat ta’ koppji f’relazzjoni stabbli li jixtiequ jġibu t-tfal fid-dinja, u jemmen li dawn il-koppji għandhom jingħataw l-għajnuna biex jilħqu dan l-għan nobbli. Il-liġi preżenti hija favur l-għajnuna lill-koppji u tilħaq bilanċ bejn id-drittijiet tal-embrjun u l-interessi u x-xewqat tal-koppji li għandhom diffikultajiet biex iġibu t-tfal fid-dinja.
L-emendi proposti għall-Att Dwar il-Protezzjoni tal-Embrjuni ser jippermettu l-iffriżar tal-Embrjuni li hu inkompatibbli mar-rispett u d-dinjità li biha għandha tiġi ttrattata il-ħajja umana sa mit-tnissil. Dawn il-ħlejqiet umani huma destinati biex jibqgħu orfni iffriżati jekk ma jintużawx fic-ċiklu riproduttiv u jekk ma jiġux adottati.
F’isem l-ugwaljanza, l-emendi jippermettu wkoll id-donazzjoni anonima taċ-ċelloli għat-tnissil u s‑self tal‑ġuf bis‑surrogazzjoni, b’mod li l-ulied ser jiċċaħħdu mill-omm jew mill-missier naturali tagħhom u mid-dritt li jitrabbew fl-għożża tal-kumplimentarjetà ta’ omm u ta’ missier.
L-emendi proposti jkasbru d-dinjità tal-ħajja sa mit-tnissil, idawwru wiċċhom għad-differenzi tan-natura, jicħdu il-kumplimentarjetà tar-raġel u l-mara u jiddiskriminaw bejn it-trabi, b’mod li hemm min ser jingħata ċ-ċans li jara d-dawl tal-ħajja u min ser jiġi ffriżat.
Il-Moviment ta’ Kana għalhekk jappella lis-socjetà ċivili u lill-politiċi kollha ta’ rieda tajba biex jieħdu pożizzjoni kontra l-iffriżar tal-embrjuni u favur id-drittijiet tal-ulied li jitwieldu u jitrabbew mill-ġenituri naturali tagħhom.