•  

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

  • Knisja Arċipretali, il-Mosta
    24 ta’ Mejju 2018

    Kull wieħed u waħda minnha li qegħdin hawn illum għandna xi storja jew xi rakkont dwar dak li kien ifisser għalina Turu jew Fr Arthur. Il-preżenza tagħna hija xhieda tal-ġid kollu li għamel il-Mulej permezz ta’ dan ir-raġel għaqli u fidil, ta’ dan l-għalliem tad-dixxerniment.

    Il-Mulej laqqgħu mas-seminarju u mis-seminarju għaddieh għan-novizzjat tal-Kumpanija ta’ Ġesù. Imma d-djoċesi qatt ma tilfitu għax midjuna ħafna miegħu, il-Knisja hija midjuna miegħu. Imma qabel xejn illum qegħdin hawnhekk biex infarrġu lil xulxin bil-kliem tal-fidi, ta’ dik il-fidi li kienet il-ħeġġa u l-fjamma fil-qalb ta’ Fr Arthur.

    Kemm joqgħodu tajjeb għalih il-kliem li smajna fit-Tieni Qari: “Emmint, u għalhekk tkellimt” (2Kor 4:13), għax qabelxejn int u tiltaqa’ ma’ Turu kont tiltaqa’ ma’ bniedem ta’ fidi. It-tbissima tiegħu, l-umiltà u dik il-ħarsa penetranti tiegħu, il-kumment li jaqta’ sal-mudullun ta’ ruħek u dik l-X-ray li jagħrfek mingħajr ħafna neċessità ta’ kliem, kienu ġejjin mid-dawl tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej, ta’ bniedem li qiegħed jgħix il-preżenza ta’ Alla. “Emmint, u għalhekk tkellimt”. Il-kliemu ma kienx ħafna imma kien meqjus, kien kliem ġej mill-fidi.

    L-imħabba tiegħu kienet tidher fid-disponibbiltà totali tiegħu

    Is-Salm 131 ifakkarna fit-tama u Turu, bl-għażla tiegħu tal-faqar b’mod radikali, bl-ubbidjenza tiegħu b’mod radikali ħafna u bis-safa ta’ ruħu, kien xhud tat-tama fil-Mulej. L-imħabba tiegħu kienet tidher fid-disponibbiltà totali tiegħu għal kull min hu mtaqqal u għandu bżonn kelma ta’ għajnuna. “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11:28).

    Kien ħabib kbir tal-Qalb ta’ Ġesù u bħall-imgħallem maħbub tiegħu kien ta’ qalb ħelwa u umli. Illum il-fidi tagħna tgħidilna li qed igawdi l-mejda li ħejjilu l-Ħaruf ta’ Alla, dak li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. F’ismu min jaf kemm ħafer dnubiet, f’ismu min jaf kemm ta l-ħarsa tat-tenerezza u tal-ħniena lil tant nies. Min jaf kemm serraħ erwieħ u għażel li jitgħabba hu bil-piż tar-responsabbiltà biex huma jkunu jistgħu jkomplu fi triqthom eħfef, b’iżjed żelu u ferħ.

    Nixtieq nirringrazzjah ta’ kemm ħa ħsieb grupp għeżież ta’ saċerdoti fil-Fawwara —ħafna drabi kull nhar ta’ Tnejn— li żgur ser jimmisjawh imma anke jiena ser nimmisjah għaliex il-preżenza tiegħu hemmhekk il-Fawwara kienet il-preżenza ta’ Ġesù. Jiena nawguralhom li anke bl-imħabba ta’ bejniethom ikunu jafu jsostnu lil xulxin bl-istess spirtu.

    Nixtieq nirringrazzja lill-Mulej ta’ kemm Turu kien leali lejn il-Kumpanija ta’ Ġesù, ħadem Malta, barra minn Malta, u fiċ-Ċilì wkoll. Meta rajt li għamel ftit żmien iċ-Ċilì, ħassejt li kellna esperjenza komuni li tibqa’ tgħaqqadna għal dejjem ukoll.

    Id-dixxerniment tiegħu ma kienx leġġer għax Turu dejjem fittex li jagħmel ir-rieda tal-Mulej.

    Imma f’din l-okkażjoni nixtieq nirringrazzja wkoll lill-Mulej għar-rikkezza li d-djoċesi għandha f’tant familji reliġjużi li huma rappreżentati denjament hawnhekk, mhux biss il-Ġiżwiti imma rajt ħafna rappreżentanti ta’ Ordnijiet oħrajn u wkoll tant reliġjużi nisa li Turu kien jaf ukoll isostnihom, jinkoraġġihom. Ħa paċenzja bina lkoll u l-paċenzja tiegħu kienet turija tal-imħabba konkreta ta’ Ġesù.

    Id-dixxerniment tiegħu ma kienx leġġer għax Turu dejjem fittex li jagħmel ir-rieda tal-Mulej. Meta stedintu biex jgħini niddjaloga mal-kleru dwar dak li l-Papa Franġisku xtaq f’Amoris Laetitia, għamel l-espożizzjoni tiegħu fuq id-dixxerniment u Turu insista ħafna li d-dixxerniment huwa li nfitxxu r-rieda ta’ Alla għalina f’kull mument, fiċ-ċirkustanzi konkreti tal-ħajja. Jalla dan it-tagħlim, li huwa wkoll it-tagħlim tal-Papa Franġisku, iwassal biex aħna konkretament bħalu u anke fuq l-eżempju tiegħu, kulħadd skont il-missjoni tiegħu, infittxu li ngħixu l-virtujiet tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba li huma r-risposta tagħna lejn l-imħabba ta’ Ġesù.

    Niftakar li meta għamlilna kors fuq il-virtujiet teologali u ried jitkellem fuq l-imħabba, Fr Arthur fakkarna li kien għamel teżi, riċerka, fuq il-kunċett ta’ ‘love as acceptance’. Kemm hi ħaġa sabiħa u profetika li aħna nifhmu li l-imħabba tagħna lejn xulxin trid tibda billi nilqgħu lil xulxin. U kemm hu attwali dan il-kliem, kemm hu profetiku u kemm  hu neċċessarju li nifhmu li jekk inħobbu lil xulxin, irridu nilqgħu lil xulxin.

    Jiena nixtieq nitlob l-interċessjoni tal-qaddisin kollha biex ikollna vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi. Reliġjuż wieħed, ħafna frott. “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’” (Ġw 15:15). Inħoss li dan il-kliem jgħodd ħafna għall-għażiż Turu; il-Mulej ħatru, għażlu, biex jagħmel il-frott.

    Kien hemm il-waqtiet permezz tal-ubbidjenza, dik il-fergħa għażiża mid-dielja li huwa Ġesù, ried jiżborha. L-ubbidjenza hekk tagħmel imma fl-ubbidjenza nagħmlu ħafna frott. L-għażliet tiegħu ta’ faqar xtaq li jikkomunikaw ħafna lid-djoċesi. Hemm bżonn nimpenjaw ruħna biex il-kontributi tiegħu, fil-Kummissjoni Lemieux u fir-riforma ta’ kif nammninistraw il-ġid tagħna, mhux biss insostnuhom imma nagħmluhom dejjem iżjed attwali, sfida kbira, mhux faċli, imma ma naħsibx li għandna għażliet oħra iżjed opportuni.

    Turu kien devot ħafna tal-Madonna, kien iħobb jgħid li l-Madonna ser twasslu. Illum l-24 ta’ Mejju hija l-festa għażiża tal-Madonna Awżiljatriċi. Nafdawh f’idejha li twasslu hi għand binha Ġesù.  

    Agħtih O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, jistrieħ fis-sliem.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

     

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Is 26,6a,7-9
    Salm: 131
    Qari II: 2Kor 4,14-5,1
    Evanġelju: Mt 11, 25-30

     

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace