L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Hu propju l-każ li nifhmu dak li jgħid is-saċerdot meta jaqra l-Evanġelju fil-quddiesa: “Bit-tagħlim tal-Evanġelju nitnaddfu minn dnubietna”. Għaliex din il-kelma ta’ Ġesu hi diretta lilna li nipprietkaw, li nitilgħu fuq il-pulpti, nibda l-ewwel wieħed minni nnifsi. U l-Mulej qed jistaqsini: ‘Imma, ħabib, inti l-missjoni li aċċettajt għalfejn qiegħed tħaddimha? Biex tidher? Biex jgħidulek eċċellenza? Biex tkun Arċisqof  ta’ Malta? Veru mhux biss iċapċpulek, kultant iċapċpuhielek, imma xorta arċisqof jgħidulek, jekk Monsinjur.

Kull meta naqra dan l-Evanġelju, b’mod speċjali fil-kuntest tar-Randan, nagħmel eżami tal-kuxjenza. Il-Mulej irid isaffi lilna minn kull pretensjoni. U nistaqsi lili nnifsi bħalma kull min għandu responsabbiltà fil-Knisja jrid jagħmel: imma aħna nifhmuha din li aħna qaddejja? Kultant in-nies tippretendi ħafna min dak li jkun u wieħed jegħja, kultant taqbiżlek ukoll. Mhux qed ngħid li nagħmlu sew meta jiġri hekk imma nifhem ukoll li għandna bżonn ħafna mogħdrija u komprensjoni.

Imma l-Mulej jistedinna għal umiltà profonda. Verament hu l-każ illum li t-tagħlim tal-Evanġelju jnaddaf lilna l-qaddejja, mexxejja, predikaturi – inaddafna minn dnubietna, minn kull apparenza, minn kull pretensjoni, minn kull għatx għall-privileġġi jew għall-unuri. Wara kollox Ġesu tbaxxa biex jaħsel saqajn id-dixxipli u meta għola kien fuq is-salib.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Dan 9:4b-10
Salm: 78 (79): 8,9,11 u 13
L-Evanġelju: Lq 6:36-38