-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Konkatidral ta’ San Ġwann, Il-Belt Valletta
7 ta’ April 2018
“Morru fid-dinja kollha xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mk 16, 15). Dan huwa l-kliem ta’ konsenja li l-Mulej Irxoxt jagħti lill-ħdax. Huwa kliem ta’ missjoni: “Morru fid-dinja kollha”. Il-Mulej qed jafdalhom li jxandru l-aħbar it-tajba li ġab hu u li hu att universali għaliex din il-missjoni u din il-fiduċja trid tilħaq lil ħolqien kollu. Imma din il-konsenja ngħatat lil nies li l-Mulej kien jaf li kienu dgħajfin ħafna. Aħna kważi mhux biss nistagħġbu imma niskandalizzaw ruħna u fl-istess ħin il-qalb tagħna timtela bi gratitudni kbira meta nirrealizzaw li l-Mulej għażel jirriskja tant, u jafda tant ġid magħna.
Din il-konsenja ngħatat lil nies li l-Mulej kien jaf li kienu dgħajfin ħafna.
Dan l-Evanġelju, mill-kapitlu 16 ta’ San Mark, għandu lista tad-dgħufija tal-umanità. L-ewwel mara li tilqa’ l-aħbar tal-irxoxt tal-Mulej fil-laqgħa tagħha miegħu, l-Evanġelista San Mark — l-uniku wieħed li jsemmi dan id-dettal fil-kuntest tal-irxoxt — jgħidilna: “Minnha l-Mulej kien keċċa seba’ xjaten” (v. 9). Hi magħżula biex tkun il-ħabbara tal-irxoxt! F’ħajjitha kienet daqet il-fond, l-abbiss tad-dgħufija; kienet għaddiet minn esperjenza trawmatika u umiljanti li tkun ipposeduta mhux minn xitan imma minn seba’ xjaten. U l-Mulej jagħżel lilha: jagħżel lil Marija ta’ Magdala biex tkun il-ħabbara tar-rebħa tiegħu fuq id-dnub, fuq ix-xitan u fuq il-mewt.
U nibdew niltaqgħu mal-ewwel reżistenza, mal-ewwel indikazzjonijiet li aħna l-bnedmin għandna verament rasna iebsa. “Marret tħabbar kollox lil sħabu” li għamlu tliet snin iterrqu miegħu, li rawh iqajjem lit–tifla ta’ Ġajru, lit-tifel tal-armla ta’ Nain, lil Lazzru, u ma jistgħux jemmnu li fih kien hemm din il-qawwa li wasslitu għal rebħa fuq il-mewt, rebħa definittiva. Sabithom “qalbhom sewda u jibku” (v. 10), imma biki ta’ lament, ta’ lfieq, ta’ luttu, biki ta’ min qed jaffaċċja l-falliment ta’ kull proġett tiegħu.
Dawn jisimgħu l-aħbar tal-irxoxt, semgħuha tgħid li hu kien ħaj u li ratu, u ma emmnuhiex. Imbagħad wera ruħu lil dawk iż-żewġ dixxipli li Luqa jgħidilna li wieħed minnhom kien Kleofas u li kienu sejrin Għemmaws. L-Evanġelju ta’ San Mark jgħidilna biss li wera ruħu taħt xort’oħra (v. 12), lil tnejn minnhom li kienu sejrin bil-mixi lejn ir-raba’. Dawn jerġgħu lura, jagħtu l-aħbar lil oħrajn. L-Evanġelju ta’ San Mark jgħidilna li lanqas lil dawn ma emmnu (v. 13). Imbagħad Ġesù, bil-paċenzja tas-soltu tiegħu jgħid: ‘Se mmur jien stess” u deher, wera ruħu lil ħdax li kienu fuq il-mejda. U l-ewwel ħaġa li għamel hi li ċanfarhom talli kienu nieqsa mill-fidi u rashom iebsa.
F’dan il-kuntest ta’ nuqqas ta’ fidi, il-Mulej jirriskja xorta; iċanfarhom, jagħraf u jaf id-dgħufija tagħhom, imma jafdahom bl-ikbar missjoni li biha seta’ jafdahom.
Mela għandna mhux biss l-esperjenza tad-dgħufija ta’ min kien ipposedut mix-xitan, imma wkoll ta’ dawk li qabdu u telqu minn Ġerusalemm, imma għandna wkoll in-nuqqas ta’ fidi u r-ras iebsa. Bil-Grieg din ir-ras iebsa hija sclerocardia li meta inti tifhimha, hija propju l-qalb iebsa, il-qalb iebsa li ma tistax tifhem kemm Alla huwa kbir u ħanin. U f’dan il-kuntest ta’ nuqqas ta’ fidi, il-Mulej jirriskja xorta; iċanfarhom, jagħraf u jaf id-dgħufija tagħhom, imma jafdahom bl-ikbar missjoni li biha seta’ jafdahom.
Kull Ordinazzjoni, l-aħwa, hija dan il-misteru li jirrepeti ruħu fil-Knisja għax il-Mulej jafkom, jafkom minn ġuf ommkom, jaf il-preġji tagħkom u jaf ukoll id-dgħufija tagħkom. Hu qiegħed jafdakom, qiegħed jibgħtkom ixxandru l-Evanġelju. Ftakru li intom qegħdin tiġu ordnati presbiteri f’dan il-jum, is-7 ta’ April, li fit-tradizzjoni tal-Medjuevu, fil-kalendarju tal-Ġimgħa l-Kbira, kienet id-data tal-mewt tal-Mulej. L-Ispirtu qaddis tal-Mulej qiegħed jgħaqqadkom f’dan il-jum mal-misteru tas-salib tiegħu. Din hi l-konsenja tal-Knisja. Il-Knisja mhijiex qed tagħtikom la privileġġi u lanqas l-għana tad-dinja. Qed tagħtikom il-konsenja li l-Mulej Ġesù ta lid-dixxipli dgħajfa tiegħu: il-ferħ tal-Evanġelju u l-misteru tas-Salib Imqaddes.
Illum aħna nifirħu li fikom għandna turija sabiħa ta’ kemm il-Knisja hija tassew għanja fis-saċerdozju djoċesan kif ukoll fil-ħajja reliġjuża.
Jiena, ħuti l-isqfijiet, sħabkom il-presbiteri, ilkoll kemm aħna, f’att liturġiku se nqiegħdu jdejna fuq raskom; aħna l-isqfijiet qegħdin nordnawkom presbiteri bil-qawwa tal-Ispirtu, u ħutkom is-saċerdoti presbiteri b’dak il-ġest qegħdin isibħukom f’din il-fraternita, f’din l-għaqda li hi l-presbiterat.Fit-Tieni Qari hemm din il-konsenja għażiża li aħna għexna fil-lejl qaddis tal-Għid: il-konsenja tad-dawl: “Imxu fid-dawl kif inhu fid-dawl huwa stess” (1Ġw 1, 7) għax jekk nagħmlu hekk, jekk nimxu fid-dawl, aħna nissieħbu flimkien u d-demm ta’ Ġesù Kristu jnaddafna minn kull dnub. Imxu fid-dawl, fid-dawl tal-Mulej, ħallu lill-Mulej inaddafkom bid-demm tiegħu minn kull dnub, u issieħbu flimkien, anzi ejjew nissieħbu flimkien.
Illum aħna nifirħu li fikom għandna turija sabiħa ta’ kemm il-Knisja hija tassew għanja fis-saċerdozju djoċesan kif ukoll fil-ħajja reliġjuża. Għandna l-Ordnijiet l-iżjed antiki fil-Knisja, imma wkoll il-frott ta’ din l-art ħelwa. Il-ħajja reliġjuża li tinbet kull fejn hemm l-ispirtu qaddis tal-Mulej. Intom mhux biss għandkom il-vokazzjoni li tissieħbu fid-dawl, imma li tissieħbu wkoll fil-missjoni ta’ Ġesù li l-profezija fuqu meta kellu biss 40 jum, kienet li jkun: “Dawl għall-ġnus, glorja ta’ Iżrael” (Lq 2, 22) imma ukoll li jkun “sinjal li jmeruh” (v. 34).
Inti saċerdot ta’ Alla, m’intix skjav tal-ebda bniedem imma qaddej ta’ kull bniedem.
Tinsewx fil-kelma profetika li llum inqrat fuqkom fl-Ewwel Qari. Pietru u Ġwanni, l-ewwel xhieda tal-qabar vojt, jgħidu lill-kapijiet tal-Lhud u x-xjuħ u l-kittieba: “Għidulna intom jekk hux sewwa quddiem Alla li aħna nisimgħu aktar minnkom il-bnedmin milli minn Alla” (Atti 4, 19). Din hi l-għażla li se tpoġġulna quddiemna? Ma tafux li “aħna ma nistgħux ma nitkellmux fuq dan li rajna u smajna” (v. 20). Il-kelma tagħkom trid toħroġ minn qalb mhux iżjed iebsa, imma minn qalb li l-Ispirtu s-Santu għamilha qalb tal-laħam li tħabbat u tħeġġeġ b’fidi qawwija l-fidi li tagħraf u tisma’ u meta jkollok tagħżel bejn il-bnedmin u Alla, inti taf ta’ min inti, inti taf li bit-tqegħid tal-idejn tal-isqof u bit-talba tal-Knisja, fil-qalb tiegħek u r-ruħ tiegħek, minn hawn u ftit ieħor issir bidla li tibqa’ għal dejjem. Inti saċerdot ta’ Alla, m’intix skjav tal-ebda bniedem imma qaddej ta’ kull bniedem. Inti twasal il-libertà mhux il-jasar, inti twassal il-kelma tal-verità — li mhijiex għaċ-ċapċip imma biex iċapċpuhielek — imma trid tkun il-verità ta’ Ġesù Kristu, mhux ta’ moħħok.
Aħna ma nistgħux ma nitkellmux fuq “dak li rajna u smajna”. Il-Mulej qiegħed jibgħatkom biex tħabbru l-aħbar it-tajba tiegħu. Hija aħbar ta’ ħniena, aħbar ta’ kompassjoni, ta’ komprensjoni, aħbar li tħaddan lil kulħadd. Qisu li fil-qalb tagħkom ikun hemm spazju għal kulħadd, għal kulħadd! Għax aħna ta’ Ġesù biex inkunu ta’ kulħadd. Aħna għal Ġesù biex inkunu għal kulħadd fl-ispirtu ta’ mħabba u ta’ verità.
Nitlobkom titolbu għall-vokazzjonijiet. L-ewwel nett taħsbu fil-familji tagħkom reliġjużi, u d-djoċesani jaħsbu fid-djoċesi, imma mbagħad titolbu wkoll għall-vokazzjonijiet fil-Knisja għas-saċerdozju, għall-ħajja reliġjuża anke femminili u għall-vokazzjoni għas-Sagrament Imqaddes taż-Żwieġ għax intom qegħdin hawn minħabba s-Sagrament tal-ġenituri tagħkom, U s-Sagrament taż-Żwieġ huwa vokazzjoni nobbli li hemm bżonn niċċelebraw b’ferħ kbir f’kull ordinazzjoni saċerdotali għax dawn huma żewġ sagramenti li jibnu l-Knisja. U intom li qed tiċċaħdu miż-żwieġ, mhux għax tistmerruh jew tiddisprezzawh imma għaliex il-libertà li jixtiqilkom Ġesù hija li tagħtikom libertà tħobbu lil kulħadd u tmorru fejn jibgħatukom is-superjuri tagħkom.
Jalla l-Mulej jagħtina l-ferħ li narawkom fostna u fil-postijiet fejn il-providenza tibgħatkom madwar id-dinja bħala dawl u glorja. Tibżgħu qatt tkunu sinjal li jmerukom imma ħobbu u aħfru dejjem.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 4, 13-21
Salm: 117 (118), 1 u 14-15.16ab-18.19-21
Qari II: 1 Ġw 1, 1-7
Evanġelju: Mk 16, 9-15
-
-
-
-
-
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace