L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù juża żewġ tixbihat fl-Evanġelju li għadna kemm smajna: it-tixbiha tal-imfietaħ u t-tixbiha tal-blata. L-imfietaħ huma dawk li jagħtuna aċċess, li jiftħulna ambjent, imma huma wkoll għodda biex issakkar. Hu jagħti din il-qawwa, il-qawwa tal-imfietaħ, lill-Knisja fil-persuna ta’ Pietru. Aħna, meta nqimu u nagħtu proprju ubbidjenza lill-ministeru tal-Papa, is-suċċessur ta’ San Pietru, nagħmlu hekk għax hu qiegħed jeżerċita poter, qawwa spiritwali f’isem il-Knisja. Din il-qawwa ngħatat lil xi ħadd, imma hija qawwa mogħtija lill-komunità. It-tagħlim ta’ Santu Wistin fuq din il-ħaġa huwa ċar ħafna: l-imfietaħ ingħataw lill-Knisja fil-persuna ta’ San Pietru. 

X’inhuma dawn l-imfietaħ?  Ġesù stess jgħid: il-qawwa li torbot u l-qawwa li tħoll, il-qawwa li tiftaħ u tagħlaq. Tiftaħ il-bieb tal-imħabba ta’ Alla, tal-grazzja. Il-Papa jinsisti ħafna li aħna, meta nużaw il-qawwa tal-imfietaħ, mhux biex insakkru lin-nies barra imma biex niftħulhom. Għalhekk, l-ewwel talba li rridu nagħmlu hija li aħna l-qawwa tal-imfietaħ nużawha biex niftħu għal xulxin l-għejun tal-ħniena ta’ Alla, tal-paċi li jagħti Alla, tal-maħfra li jagħti Alla u tal-grazzja tiegħu, tal-imħabba tiegħu. 

Alla xi jsakkar? Isakkar barra dak kollu li huwa ħażen, dak kollu li ġej biex jheddidna. Inti, biex tiddefendi lil xi ħadd, xi kultant ikollok bżonn issakkar. Tiftaħ biex tidħol l-arja friska, u tagħlaq biex ma jidħolx in-nugrufun. Anke meta Ġesù jitkellem dwar li torbot u li tħoll, il-Knisja tuża l-qawwa li torbot fil-konfront tax-xitan u ta’ dawk kollha li huma qaddejja tiegħu, u torbot il-qawwa tagħhom fuq il-bniedem. Imma tħoll lil kull min ikun imjassar bis-Sagrament tal-Qrar, bis-Sagrament tad-Dilka tal-Morda, bil-maħfra li aħna nagħtu lil xulxin. Ejjew nitolbu biex din il-qawwa tintuża biex tiftaħ il-bibien għall-ħniena, biex issakkar ’il barra il-ħażin, imma qatt ma tintuża biex xi ħadd minna jħossu eskluż, biex xi ħadd minna jħossu ’l barra.  

Din hija grazzja kbira li nitolbu lill-Mulej, anke bl-interċessjoni tat-talb ta’ tant sorijiet bħalek, għażiża Suor Michelina. Intom ukoll parti minn din il-qawwa li Ġesù ta lill-Knisja: li tħoll u torbot, li tiftaħ u tagħlaq. Għax bit-talb tagħkom, bl-għotja ta’ ħajjitkom, aħna qegħdin niċċelebraw miegħek 60 sena ta’ ħajja monastika. Mhux sitt ġimgħat, mhux sitt xhur, mhux sitt snin, imma sittin sena. Sittin sena ta’ talb f’isem l-umanità, sittin sena ta’ tpattija għal dnubietna, sittin sena ta’ paċenzja, sittin sena ta’ mħabba kbira li inti tħabbat fuq il-qalb ta’ Ġesù u titolbu jiftaħ il-bieb tal-ħniena u jsakkar lill-għedewwa tagħna ’l barra minna. 

Ġesù jitkellem fuq il-blata, blata samma. Il-blata samma mhijiex Pietru imma l-fidi tiegħu, il-fidi li jesprimi. L-ebda bniedem ma jista’ jippretendi li huwa l-blata li fuqha Ġesù jibni l-Knisja tiegħu. Pietru, proprjament huwa Xmun bin Ġona, għax missier San Pietru kien jismu Ġona. Ġesù sejjaħlu Kefa, blata; Pietru minn ‘Petra’, imma jgħidlu: “jien fuq din il-blata nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16:18). X’inhi din il-blata? Hija l-fidi ta’ Pietru, hi l-fidi li f’Ġesù l-mastrudaxxa ta’ Nazaret tara l-Messija, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj” (Mt 16:16). “Hieni int, Xmun bin Ġona”, jgħidlu b’ismu ‘Xmun bin Ġona’, “għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex.” (Mt 16:17-18). Mhux għax ma jippruvawx, imma ma jirnexxilhomx. Hija parti mill-istorja tal-familja ta’ Ġesù, tal-Knisja, li tkun imħabbta dejjem, tkun umiljata dejjem, tkun attakkata dejjem. Bħalissa qed niftakar fin-Nikaragwa fejn il-Knisja għaddejja minn persekuzzjoni totali. Affarijiet li mingħalina spiċċaw, imma għadhom magħna; f’isem l-ideoloġija li lill-bniedem twiegħdu progress ħaj – domani. 

U ulied Ġesù, ulied il-Knisja, jibqgħu ppersegwitati dejjem. Imma s-setgħat tal-infern, li jippruvaw, mhux se jegħlbuha. Imma dana huwa xi skuża ta’ trijonfaliżmu? Le, hija okkażjoni ta’ umiltà kbira. Għax aħna meta nkunu tturufnati, ippersegwitati, inġurjati, ikkalunjati, induru lejh u nitolbuh jiftaħ anke għalina l-bibien tal-ħniena  u jagħlaq dak kollu li jkun ta’ tfixkil, b’mod speċjali għall-fidi taż-żgħar. 

Aħna, illum, tlabna wkoll fil-bidu ta’ din il-Quddiesa li fil-ħniena ta’ Alla, il-qalb tagħna tieqaf fis-sod fejn hemm tassew il-hena. Għażiża Suor Michelina, jiena nixtieq nirringrazzjak tal-għażla tiegħek. Għamiltha meta kont pjuttost iżgħar mil-lum, u biż-żmien din l-għażla immaturat. Nimmaġina li għaddiet mill-4 staġuni: kellha r-rebbiegħa, kellha s-sajf, kellha l-ħarifa, u xi mument tax-xitwa għadda wkoll. Issa f’liema staġun qiegħda ma nafx; iżjed nimmaġina li bħalma jgħidu fuq Melbourne: 4 seasons in a day. Kull jum ikollu r-rebbiegħa tiegħu, is-sajf tiegħu, ikollu l-ħarifa tiegħu, u jiġi l-mument tax-xitwa wkoll. Kuljum nerġgħu nibdew, jum wara l-ieħor. 

Imma aħna nixtiequ nirringrazzjawk tax-xhieda tiegħek għax ix-xhieda tiegħek u tas-sorijiet sħabek u bħalek fid-dinja, u fil-monasteri li għandna u baqagħlna Malta, juruna fejn għandha bżonn tistrieħ il-qalb tagħna, fejn il-qlub tagħna jistgħu jieqfu fis-sod; anke din l-espressjoni tat-talba tal-Quddiesa tal-lum, ‘tieqaf fis-sod, fuq blata’, fejn hemm tassew il-hena. Ikun qed iħabbat il-maltemp u tieqaf fuq blata samma u tħossok sigur. Itterter bil-bard kemm trid, bil-mewġ iħabbat, imma qiegħda fiż-żgur, għaliex qiegħda fuq il-blat, fuq is-sod. Aħna li għandna għatx kbir għall-imħabba u għall-hena, aħna l-bnedmin għandna dan l-istint, li nixtiequ l-hena, nixtiequ l-imħabba, nixtiequ l-faraġ, nixtiequ l-kuntentizza. Din hija xi ħaġa li poġġa l-Mulej fina biex jippreparana għall-Ġenna. Għax aħna dak id-destin tagħna, aħna m’għandniex post ibbukkjat ħlief fil-Ġenna. M’hemmx post ieħor ibbukkjat. Min irid imur in-naħa l-oħra jrid jaqta’ biljett speċjali, għax mhux ibbukkjat. It-tickets kollha one-way flights. Imma fejn is-sema għandek il-booking huwa lest; imma għan-naħa l-oħra, ma nsemmiehx, tafuh, dak trid taqtgħu inti, tirranġa inti. Il-Mulej jeħilsek imma ta! 

Għandna dan l-għatx għall-imħabba, għall-hena, għall-paċi, għall-kuntentizza, għall-ħbiberija ta’ vera. Huwa l-għatx li poġġa Alla fina biex idewwaqna: isma’ jiena dan qed inħejji għalik. Imma inti, l-għażla tiegħek Suor Michelina, u bit-talb tiegħek għalina l-midinbin, inti u tħabbat fuq il-qalb ta’ Alla, tgħidlu: iftaħ li hemm bżonn u għalaq li hemm bżonn jekk jogħġbok. Inti qed tgħidilna fejn il-qalb tagħna tista’ tieqaf fis-sod, fejn hemm tassew il-hena. Ta’ dan ngħidulek grazzi. Ad multos annos għal ħafna snin.  

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-Quddiesa

Qari I: Rut 2:1-3,8-11; 4:13-17
Salm: 127 (128):1-2,3,4,5
L-Evanġelju: Mt 23:1-12

Aktar ritratti