L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù ried jgħallimna lezzjoni importanti ħafna. Pietru jistaqsih jekk hux se jaħfer lil ħutu li naqsuh ħafna drabi, għax seba’ darbiet tfisser ħafna drabi. Ġesù jagħtih numru li jfisser dejjem. Il-Mulej qed jgħallimna: aħfer mhux ħafna drabi, aħfer dejjem.

Hu jagħtina din l-istorja ta’ wieħed li meta spiċċa biex jagħmel il-kontijiet mas-siniur, is-sinjur sab li kellu jagħti għaxart elef talent. Dan in-numru xi jfisser? It-talent iżjed milli muniti, kien tip ta’ wżin, 40 kilo qisu talent. Imma immaġina 40 kilo fidda! U inti dan il-kejl, dan il-piż kollu ta’ fidda trid tagħmlu għal għaxart elef darba. Dak kien id-dejn. Biex tħallashom kont trid taħdem bil-paga ta’ dinar, għax dik kienet il-paga tal-jum – munita tal-fidda kien u jgħidulha d-dinar – trid taħdem 160 sena biex tħallashom.

U jagħti numru ieħor Ġesù għax dan ir-raġel kellu xi ħaddieħor, wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih 100 dinar, tliet xhur xogħol. Mela hu d-dejn li kellu kien 160 sena xogħol, sieħbu d-dejn li kellu miegħu ta’ 100 dinar kien tliet xhur xogħol. Imur quddiem is-sid jgħidlu: “Sinjur, stabar bija, ħu paċenzja naqra bija” (ara Mt 18:26).  U s-sinjur tant iħoss għalih li jaħfirlu dejnu kollu. Mhux jgħidlu: ‘ħallasni bil-ftit, dejnek maħfur’.

Alla hekk jagħmel magħna meta jaħfrilna. Mhux jgħidlek: ‘imbagħad ħallasni bil-ġurnata jew ħallasni fl-aħħar tax-xahar, jew bil-ġimgħa.’ Le! ‘Ħfirtlek, mur. Jiena ħlistek mill-piż kollu li qed jgħabbi l-qalb tiegħek.’ Dik il-maħfra ta’ Alla.

Imma x’qed jitlob minna Alla? Kif għamilt miegħek jien, agħmel ma’ sieħbek. Id-dejn li għandu miegħek huwa ħafna inqas mid-dejn li inti għandek miegħi. Jiena l-ħallieq tiegħek li ħlistek permezz ta’ Ibni l-għażiż, li nħobbok. U Ġesù jinsisti fuqha din.

Hemm sentiment sabiħ li hemm bżonn nagħrfuh: meta sħab dak il-qaddej raw kif qed jittratta lil sieħbu, sewdu qalbhom ħafna. Meta aħna nirrifjutaw li naħfru lil xulxin, mhux biex inweġġgħu lil min jibqa’ midjun magħna għax ma rridux naħfrulu imma nweġġgħu lilna nfusna u lil sħabna. In-nuqqas ta’ maħfra ta’ bejnietna toħloq swied il-qalb kbir. Mentri l-maħfra li aħna nagħtu ’l xulxin trid tkun mera sabiħa ta’ kemm jaħfrilna l-Mulej. Għalhekk Ġesù jgħidilna ‘aħfru minn qalbkom’.

Il-maħfra li aħna nagħtu ’l xulxin trid tkun mera sabiħa ta’ kemm jaħfrilna l-Mulej.

Dan huwa sentiment ieħor li nixtieq li naħsbu ftit fuqu. Ġesù jitlobna naħfru minn qalbna. Mhux taparsi, mhux għax taf inti nitbissimlek imma jien xorta nibqa’ rrabjat ħafna għalik. Tgħidli dan huwa diskors diffiċli ħafna għax aħna l-bnedmin niftakru min jagħmlilna xi offiża jew xi ħsara. Għalina diffiċli naħfru. Ħafna drabi nitfixlu għax ngħidu: ‘jiena ħfirtlu sinjur imma nibqa’ niftakar il-ħsara li għamilli’. Meta jiġrilek hekk hija okkażjoni fejn inti ġġedded il-maħfra. Taqtax qalbek. Jekk irridu nitgħallmu naħfru niftakru li Alla jaħfrilna dejjem. Din il-parabbola trid tgħallimna wkoll li Alla qatt mhu se jwarrbek, inti min int u għamilt x’għamilt. Se jaħfirlek dejjem. Itolbu bil-ħniena: ‘ħu paċenzja bija’.

San Pawl Missierna darba minnhom, f’waħda mill-ittri li kiteb, jgħid bl-umiltà kollha: “Jiena l-ikbar wieħed fost il-midinbin u Alla ħenn għalija biex fija juri l-paċenzja ta’ Ġesù Kristu” Is-sabar ta’ Ġesù Kristu. Hija l-istess kelma li jużaw il-qaddejja ma’ xulxin. Il-qaddejja mas-sid, dak il-qaddej li kellu dejn kbir, qallu: “Stabar ftit, stabar bija, ħu paċenzja bija”. U anke l-qaddej l-ieħor lil sieħbu qallu l-istess. Qallu: ‘ħu paċenzja bija naqra” (ara Mt 18:29).

Is-sid li huwa l-Missier, ħenn u ħafirlu u dak li nħafer ħafna, meta ra ’l sieħbu fil-bżonn tal-ħniena, webbes qalbu. Nitolbu ’l Alla llum biex ma nwebbbsux qalbna.

Aħna qegħdin f’post li huwa monument tal-ħniena. Il-ħarsa ta’ Dun Mikiel Azzopardi fuq l-ewwel residenti ta’ din id-Dar 55 sena ilu, kienet il-ħarsa tal-ħniena, kienet il-ħarsa ta’ bniedem li kien jaf li Alla ħares lejh u ħenn għalih u kellu l-grazzja jħares lejn ħutu u jħenn għalihom. Mhux għax imsieken imma għaliex l-għożża li hawn f’din id-Dar hija mod kif aħna nkunu mera tal-għożża li għandu għal kull wieħed u waħda minna l-Mulej Alla.

Dan ix-xahar b’ħafna inizjattivi ta’ karità. Bil-qatra l-qatra timtela l-ġarra. Ma naqtgħux qalbna li nagħtu ftit milli għandna, kulħadd kif jista’, għaliex b’hekk inkomplu nkunu mera sabiħa ta’ kemm iħobbna u jħenn għalina l-Mulej.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Sir 27, 30 – 28, 7
Salm: 102 (103), 1-2.3-4.9-10.11-12
Qari II: Rum 14, 7-9
Evanġelju: Mt 18, 21-35


Agħfas hawn biex tara siltiet miż-żjara li għamel l-Arċisqof fid-Dar tal-Providenza