L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-ewwel Evanġelju fil-festa tat-twelid ta’ San Ġwann il-Battista huwa proprju l-Evanġelju tat-tħabbira tat-twelid tiegħu. L-Evanġelista Luqa jagħtina l-kuntest. Meta ġara dak li se jirrakkonta? Hu jgħid: “Fi żmien Erodi, sultan tal-Lhudija, kien hemm qassis jismu Żakkarija, mit-taqsima ta’ Abija; martu, kien jisimha Eliżabetta, kienet minn ulied Aron” (Lq 1:5). Erodi huwa dak li l-Evanġelju, b’mod speċjali l-Evanġelju tat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista, ta’ Ġesù, jirrappreżenta s-suppervja u l-arroganza tal-poter. Ġesù stess iwissi lid-dixxipli mill-ħmira ta’ Erodi, li hija l-ħmira tal-arroganza tal-poter uman.
Imma l-ismijiet tal-ġenituri ta’ Ġwanni jgħallmuna atteġjamenti differenti. Missier Ġwanni jismu Żakkarija. L-isem Żakkarija jfisser: ‘il-Mulej jiftakar’. Mela, il-Mulej jiftakar u ma jinsiex. Eliżabetta, l-isem tal-mamà ta’ Ġwanni l-Battista, ifisser: ‘il-Qawwa ta’ Alla’, Alla li huwa qawwi. Fiż-żewġ ismijiet hemm l-isem tal-Mulej: Żakkarija, Eliżabetta. Huma mnissla min-nisel tas-saċerdoti. “Eliżabetta kienet minn ulied Aron” (Lq 1:5).
Meta l-Anġlu Gabrijel, ‘il-Qawwa ta’ Alla’, jidher lil Żakkarija, mhux biss iħabbarlu t-twelid ta’ dan it-tifel, imma wkoll l-isem tat-tifel u l-missjoni tiegħu. “Tibżax, Żakkarija, għax it-talba tiegħek instemgħet: martek Eliżabetta se tagħtik iben, u inti ssemmih Ġwanni” (Lq 1:13). Ġwanni tfisser: ‘Alla huwa ħanin’ – Yohanan. Anke hawnhekk, fl-isem ta’ Ġwanni jissemma l-Mulej. Interessanti ħafna li, b’konċidenza feliċi, l-ismijiet tal-ġenituri u tat-tifel fihom ukoll referenza diretta għall-Mulej. Il-missjoni tat-tifel tinġabar f’ismu; għax huwa dak li jħejji t-triq għall-ħniena tal-Mulej. Fil-fatt, huwa dak li “jraġġa’ l-qlub tal-missirijiet lejn uliedhom, u lil dawk li ma jridux jobdu jreġġagħhom għall-għaqal tal-ġusti, ħalli jlesti poplu mħejji sewwa għall-Mulej.” (Lq 1:17).
Aħna nifirħu fit-twelid ta’ Ġwanni l-Battista, u nirringrazzjaw lill-Mulej talli jintervjeni fl-istorja, anke fit-twelid ta’ persuna, bħalma hi Ġwanni, li mbagħad aħna ngħidulu ‘l-Battista’, għax għammed lill-Mulej Ġesù, u jagħtina sinjal ta’ ħniena.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-Quddiesa
Qari I: Is 49:1-6
Salm: 138:1-3,13-15
Qari II: Atti 13:22-26
L-Evanġelju: Lq 1:57-66,80