Katekumenju, il-Ħamrun
12 ta’ Awwissu 2016
Kif wegħedna lil xulxin erġajna ltqajna, u anke tal-esperjenzi qawwija li qsamtu miegħi u ma kull wieħed u waħda minna. Ħallejtuni mingħajr ħafna kliem. Nixtieq nistedinkom, lil kull wieħed u waħda minnkom, tixtarru quddiem Alla dak kollu li għaddejtu minnu. Il-Mulej kellimkom personalment f’ħafna ġrajjiet u f’ħafna ċirkustanzi. Huwa l-mument, għalkemm irritornajtu lura mill-pellegrinaġġ, issa jibda ż-żmien li intom tistaqsu lilkom infuskom, lill-Imgħallem bħalma għamel dak iż-żagħżugħ “x’għandi nagħmel?” Il-mistoqsija taż-żagħżugħ tal-Evanġelju li smajna llum kienet: “x’għandi nagħmel tajjeb biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” “Wieħed hu t-tajjeb” jgħidlu Ġesù, “jekk inti trid tidħol fil-ħajja, ħares il-kmandamenti” (ara Mt 19, 16-17).
Nintelqu f’idejn il-Mulej
Diversi minnkom fl-esperjenza tagħkom irrealizzajtu li l-kmandamenti mhumiex xkiel għall-libertà tagħna, imma hija l-liġi tal-libertà. Meta tgħid: ‘jiena li kont control freak, issa tgħallimt nintelaq f’idejn il-Mulej, qiegħed nirrealizza li meta nobdih, qed niskopri l-vera libertà.
Uħud minnkom semmew l-esperjenza ta’ Auschwitz. Kif tafu meta l-Papa mar Auschwitz fl-istess kuntest tal-pellegrinaġġ tagħkom, iddeċieda li joqgħod fuq bank, jitlob fis-silenzju. Mar ukoll fis-silenzju fiċ-ċella fejn bħal f’dan iż-żmien, fl-1943 Massimiljanu Marija Kolbe kien qiegħed imut kemm bil-ġuħ u l-għatx u anke imbagħad fl-aħħar ġie vvalenat. Il-festa tiegħu niċċelebrawha fl-14 ta’ Awwissu fil-ġurnata meta fl-aħħar tawh l-injezzjoni li qatlitu u hekk temm il-martirju tiegħu.
Ftit jiem ilu, fid-9 ta’ Awwissu iċċelebrajna wkoll lil Edith Stein li mietet ukoll f’Auschwitz. Kif semma’ seħibna, dawn huma xemgħat mixgħula fid-dlam ta’ din id-dinja. Bħalma kienet l-esperjenza tax-xemgħat mixgħula tagħkom li kontu fil-Campus Misericordiae f’Brzegi, il-Polonja. Jiena dejjem tolqotni kull meta nsegwi l-Velja li ssir f’dawn l-okkażjonijiet, jolqotni l-fatt li quddiem l-Ewkaristija jaqa’ silenzju kbir, avolja jkun hemm mijiet ta’ eluf ta’ żgħażagħ. Is-silenzju tagħna quddiem l-Ewkaristija huwa silenzju profond ta’ fidi u kif Alla jħobbna anke fis-silenzju tiegħu, mhux biss bil-kelma tiegħu, aħna wkoll rridu nitgħallmu nħobbuh fis-silenzju tagħna li huwa silenzju ta’ adorazzjoni u ta’ ubbidjenza.
Ir-regola tal-vera libertà
Ġesù liż-żagħżugħ isemmilu l-kmandamenti, isemmilu l-kmandamenti li jolqtu r-relazzjoni tiegħu mal-bnedmin: “la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, weġġaħ lil missierek u ’l ommok, ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Mt 19, 18-19). Donnu qed jgħidlu li ħajtu se jkollha sens jekk tingħata f’att kontinwu ta’ mħabba: “ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Imbagħad jgħallem lilu u lilna r-regola tal-vera libertà, għax għal Ġesù l-għana mhux kwistjoni ta’ kemm għandi flus il-bank jew bini, imma kemm jiena qalbi marbuta mal-affarijiet li huma frugħa u bluha ta’ din id-dinja. Meta qalbi marbuta anke mal-ftit li għandi, qalbi mhix libera. Il-Mulej jitlobna l-libertà ta’ min lest iċedi kollox biex ma jitlifx lill-Mulej.
Ma nibżgħux inħallu kollox minħabba f’isem Ġesù
Dan l-Evanġelju żgur kien jinqara’ fil-mumenti iebsa ta’ l-ewwel persekuzzjoni, ta’ Neruni, fejn mhux biss li tkun Nisrani kien ifisser kundanna awtomatika għall-mewt, imma anke fil-persekuzzjonijiet l-oħrajn, b’mod speċjali ta’ Awrelju, fejn li tkun Nisrani tfisser il-konfiska tal-ġid kollu tiegħek. Ħafna drabi l-ġenituri, tant kienu jkunu mbeżżgħin li se jitilfu l-patrimonju tal-familja, li kienu huma stess jiddenunċjaw lil uliedhom għaliex imbagħad jekk jiddenunċja xi ħadd ieħor ikollu dritt għall-propjeta’ tal-Insara – xi ħaġa li tiġri llum fil-Pakistan. Jekk Musulman jakkuża Nisrani li dagħa kontra l-profeta, għandu dritt għall-propjeta tiegħu. Mhix xi ħaġa t’elfejn sena ilu imma hija xi ħaġa wkoll tal-llum. Anke llum u intom smajtu l-esperjenzi ta’ żgħażagħ li ġejjin mill-pajjiz tal-martirju. Smajtu l-esperjenza ta’ min biex jagħżel lil Ġesù irid jitlef ħafna affarijiet ta’ din id-dinja. Il-Mulej jitlobna li ma nibżgħux inħallu djarna, lil ħutna, lill-missierijitna, lill-uliedna, lill-qraba tagħna – min għad baqagħlu – minħabba f’ismu. Veru li Hu wegħedna li se nirċievu “għal mitt darba aktar” imma eżattament ma nafux meta. Fl-Evanġelju ta’ San Mark, din tista’ tkompli flimkien ma’ ħafna persekuzzjonijiet.
L-ewwel nett il-pellegrinaġġ li għamiltu kienu ukoll imbierek fis-Sena tal-Ħniena li l-memorja li m’għandek tinsa qatt: int min int, tagħmel x’tagħmel, il-Mulej iħobbok u jħenn għalik, dejjem. U allura ‘ufam tobie’ min jaf kemm il-darba smajtuhom ikantawha bil-Polakk: ‘jiena nafda fik’. Hija talba li hemm bżonn toħroġ mill-qalb tagħna, anke f’Malta għażiża tagħna.
Malta m’għadhiex għarkubbtejha quddiem Ġesù
Meta inti tmur fejn dak li jgħidulu l-‘Biskuttin’, ħdejn il-Phoenicia, u hemm monument traskurat ħafna, il-monument ta’ Kristu Re, ta’ Sciortino, hemm Malta għarkubbtejha quddiem Ġesù. Malta m’għadhiex għarkubbtejha quddiem Ġesù imma jiena u nismagħkom, nieħu pjaċir nismagħkom, tkantaw lill-Mulej ‘glorja’ u l-‘alleluia’ li huwa tifħir, lill-Mulej ngħid lill-Mulej ngħid: dan il-poplu, din il-komunità għadu jsib poplu li jfaħħru u li jħobbu, mhux intom biss, imma intom ukoll u ta’ dan nixtieq bħala l-Isqof tagħkom, nirringrazzja lill-Mulej. L-esperjenza tal-ħniena!
Nidħlu fil-fidi tax-Xirka tal-Qaddisin
It-tieni, din se tagħmluha iżjed u iżjed ’il quddiem, dan kien l-ewwel pellegrinaġġ li meta wasaltu l-għada tal-laqgħa mal-Papa ma kienx hemm Carmen Hernandez fiżikament. Jiena kelli x-xorti niltaqa’ magħha f’Rio de Janeiro. Kienet l-aħħar preżenza tagħha fiżikament. Intom bdejtu tgħixu – għax Carmen hija ko-fundatriċi u li għandha maternità spiritwali – l-esperjenza reali tax-xirka tal-qaddisin. Intom tiftakru ħafna mill-aħwa li m’għadhomx magħna fiżikament. Aħna għandha bżonn li nidħlu fil-fidi tax-xirka tal-qaddisin, dawk li telqu qabilna, u li jibqgħu magħna, qegħdin magħna, aħna xirka waħda magħhom. Allura mhux biss inħossuhom preżenti magħna fl-Ewkaristija, imma fil-ħajja tagħna kollha flimkien. Hemm bżonn minn issa li naddottaw perspettiva’ li tmur lil hemm mix-xefaq ta’ din id-dinja. Aħna diġa qegħdin fuq l-għatba tal-ġenna, aħna għadna hawnhekk, irridu nissieltu kontra l-ħażen li hemm fina, kontra l-ħażen li jfixkilna u din it-taqbida hija wkoll il-garanzija tal-glorja, bħalma jgħid l-appostlu Missierna San Pawl. Lil kull wieħed u waħda minnkom il-Mulej iħares lejk b’ħarsa ta’ mħabba kbira u għal kull wieħed u waħda minnkom għandu proġett.
Ejjew nieħdu d-deċiżjonijiet li jogħġbu lill-Mulej
Jalla fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna tibqa’ tidwi dik il-mistoqsija ta’ diversi qaddisin, ta’ San Pawl, San Franġisk: ‘Mulej, x’għandi nagħmel?’. Tina l-għatx li jiena nagħmel ir-rieda tiegħu, li hu jieħu kontroll tal-ħajja tiegħi u kif għedtilkom l-aħħar darba li ltqajna: ħallu lill-komunità iġġorkom, ħallu lill-komunità twenniskom, ħallu lill-komunità tedukakom, tinkaraġġikom. Itolbu wkoll għal min telaq, għal min għotor fit-triq, tiġġudikawx imma itolbu għalihom. Nixtieq li nitolbu ħafna u b’insistenza kbira għal pajjiżna. Kull meta niltaqa’ ma’ Eusebio u Giulietta, nagħmlu l-lamentazzjoni ta’ Ġeremija u jimlewli rasi daqshiex. Ħafna drabi jixprunawni għax intom smajtuhom, tafu x’jaħsbu u x’qed jiġri għax għaddew minnu l-Italja. Ma naqtgħux qalbna jekk id-dgħajsa tegħreq, nitolbu li nitgħallmu ngħumu, għax m’hemm l-ebda strutura li se ssalvana, aħna rridu nkunu, kull wieħed u waħda minna li, marbutin ma Ġesù Kristu, bl-għajnuna anke tal-imħabba bejnietna, li nieħdu d-deċiżjonijiet li jogħġbu lill-Mulej f’kull ċirkostanza ngħidulu: ‘int xi trid? Inti kieku x’kont tagħmel?’ Jekk il-Mulej qed isejjaħ lil xi ħadd jew x’uħud minna għall-martirju tad-demm, inħallu f’idejh, imma żgur qiegħed isejħilna għall-martirju tax-xhiedha. M’għandniex nirrispondu bil-vjolenza jew agressività, imma bħalu li Hu ta’ qalb ħelwa u umli, ikollna kelma ċara, kelma ta’ mħabba, kelma ta’ ħabib. Jiena nirringrazzjakom ħafna tal-fedeltà tagħkom.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta