L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Dan l-Evanġejlu qawwi mill-kapitlu 11 ta’ San Mattew jikkonfrontana bir-responsabbiltà li għandna. Il-Mulej juri ħniena magħna. Ġesù jgħid: “Il-ħafna mirakli li kien għamel fihom” (Mt 11:20). Jitkellem dwar l-indiema, jitkellem dwar il-predikazzjoni tiegħu “kieku l-mirakli li saru fikom” (Mt 11:21).
Aħna midħla ta’ Ġesù; aħna nafu ħafna bil-qawwa tiegħu u din il-ħaġa hi privileġġ u hi faraġ imma wkoll hi responsabbiltà. Illum quddiem din il-Kelma ta’ Alla nitolbu l-umiltà u l-għerf li nagħrfu li dak li l-Mulej jagħmel magħna l-ewwel nett għandna naqsmuh bejnietna. Il-maħfra li nirċievi nużaha wkoll ma’ ħija u ma’ oħti. Il-fejqan li l-Mulej jagħtini nużah wkoll biex bil-kelma, bil-ħarsa, bl-imħabbba tiegħi nfejjaq lil ħaddieħor għax irrid nagħti kont ta’ dak kollu li l-Mulej għamel miegħi. U l-Mulej, li hu ġust u ħanin, jagħraf il-qalb tagħna.
Ejjew nitolbuh maħfra ta’ kemm-il darba ma tajniex kas dak li għamel magħna jew ħadna dak li għamel magħna for granted u nitolbuh ukoll id-dawl biex dak li lqajna mill-ħniena tiegħu, il-fejqan li wera magħna, naqsmuh ukoll bejnietna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Eżodu 2:1-15a
Salm: 68 (69):3,14,30-31,33-34
L-Evanġelju: Mt 11:20-24