L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ġesù jkompli jgħallimna fuq it-talb; u jgħallimna l-fiduċja fuq it-talb. Ħafna drabi, meta jkollna sitwazzjoni diffiċli, bħalma hi din l-invażjoni terribbli u kiefra tal-Ukrajna; u aħna ngħidu ħa nitolbu. Dak li jkun jista’ jiddarras u jgħid: ‘issa x’se nagħmlu bit-talb, mela t-talb għandu xi saħħa kontra l-armamenti?’ Irridu nammettu li dawn iċ-ċirkostanzi jpoġġuni fi kriżi ta’ fidi. Iġagħluna nistaqsu: ‘Imma t-talb tagħna, għandu effett?’ Il-Mulej qed iqanqalna biex nagħmlu att ta’ fiduċja u ta’ fidi fih għax dak li m’aħniex kapaċi nagħmlu bir-rieda tajba tagħna u b’idejna; irid jieħu ħsiebu Hu.
Fil-bidu tal-quddiesa ħarist lejn l-istatwa sabiħa li għandna, tal-Madonna ta’ Fatima. Ħafna minna jafu li l-Madonna, f’Fatima, hi u titkellem mat-tliet ragħajja ċkejknin: lil Franġisku, Luċija u Ġaċinta, talbithom ukoll jitolbu għall-konverżjoni tar-Russja. Kien l-1917 u kien beda jbexbex fuq ix-xefaq tad-dinja l-Komuniżmu; u l-Madonna qalet: ‘itolbu li l-Mulej jikkonverti lir-Russja. Ikkonsagraw lir-Russja, lill-qalb immakulata tiegħi’. Illum nafdaw lir-Russja f’idejn il-qalb immakulata ta’ Marija, u b’dik it-talba. Għax il-konverżjoni mhix biss li jgħib il-Komuniżmu; imma jrid jgħib l-għerq tal-vjolenza, tal-egoiżmu, u tar-regħba. Għax wara kull kunflitt, ħafna drabi, ikun hemm dawn is-sentimenti.
Illum induru lejn Alla u nitolbu b’din il-fiduċja li qed jgħallimna Ġesù. Għax donnu jgħidilna: taħsbu intom li Missierkom li hu fis-smewwiet ma jagħtikomx dak li hemm bżonn? Ħafna drabi nitolbu ħafna affarijiet lil Alla u dawn qatt ma jiġu. Imma nistaqsu lilna nnfusna: ‘proprjament dawn huma ta’ ġid għalina?’ Eżempju flok ħobż, nitolbuh il-ġebel, imma Hu jagħtina l-ħobż. Qed jagħmilha ta’ Missier. Kultant mingħalina li qed jifhem eżattament li rridu, imma ma jagħtiniex dak li rridu, għax aħna qed nitolbuh serp u floku jagħtina ħuta.
Kif nixtieq li ħaddieħor jittrattani, jien nittratta lil ħaddieħor hekk. Id-dinja tkun ħafna aħjar jekk nimxu fuq dan il-pass.
Kultant ingergru lill-Mulej, anke f’sitwazzjonijiet diffiċli; imma jrid ikollna fiduċja wkoll li naċċettaw ir-rieda tiegħu. Fit-tentazzjonijiet li għamillu x-xitan, dejjem toħroġ din il-ħaġa: Ġesù determinat, li jiswa x’jiswa, li tkun diffiċli kemm tkun diffiċli, jagħmel ir-rieda ta’ Missieru.
Fl-aħħar tal-Evanġelju, Ġesù llum jgħallimna, dak li hu jiġbor fil-kelma: “l-Liġi u l-Profeti” (Mt 7:12). Hu jiġbor l-għerf kollu tat-Testment l-Antik. Għax it-Testment l-Antik, hekk magħruf bħala l-Liġi u l-Profeti. X’inhu dan kollu li jiġbor f’espressjoni waħda li jgħid Ġesù. “Dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh intom lilhom” (Mt 7:12). Mela jien nixtieq li dak li jkun jirrispettani, mela nirrispetta lil ħaddieħor. Nixtieq li dak li jkun jgħattili xturi u mhux ixandarni, mela nagħmel hekk jien ukoll ma’ ħaddieħor. Kif nixtieq li ħaddieħor jittrattani, jien nittratta lil ħaddieħor hekk. Id-dinja tkun ħafna aħjar jekk nimxu fuq dan il-pass.
Nitolbu wkoll li dan is-sens, dan l-għerf, li skont Ġesù, jiġbor l-Iskrittura Mqaddsa kollha, “l-Liġi u l-Profeti” (Mt 7:12), ikun ukoll fil-qalb tal-mexxejja tal-ġnus. Illum hemm laqgħa importanti f’Istanbul bejn il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu u dak Ukren. Hi laqgħa importanti ħafna għax jibdew jitkellmu l-aggressur kontra min qed ibati l-aggressjoni. Hemm laqgħa wkoll importanti tal-kapijiet Ewropej, li qed tiġi organizzata fi Franza, ġo Versailles.
Nitolbu ħafna għal dawn il-laqgħat. Jista’ jkun li ma joħroġx dak li nixtiequ; imma huma passi ċkejknin fit-triq twila. Ejjew nitolbu li aħna l-bnedmin, meta wliedna jitolbuna l-ħobż, ma nagħtuhomx ġebel. Anke fis-soċjetà tagħna! Inti lil ibnek li jixtieq ikun ferħan, tagħtih id-droga biex ikun ferħan; tagħtih il-velenu biex ikun ferħan? M’għandniex aħna s-sens li lil uliedna nagħtuhom dak li jagħmlilhom tassew ġid? Min jista’ jifhem, ħa jifhem.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Est 4:17 n,p-r,aa-bb,gg-hh
Salm: 137 (138):1-2a,2bċ-3,7ċ-8
L-Evanġelju: Mt 7:7-12