L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
L-Ewwel Qari (Eżek 47:1-9.12) ikellimna dwar xmara ta’ ilma safi, ta’ ilma li kapaċi jbiddel il-melħ tal-baħar, ilma li kapaċi jagħti l-ħajja kull fejn jgħaddi.
U fl-Evanġelju nsibu mument fejn Ġesù jersaq lejn din in-nixxiegħa, il-menqa, li bil-Lhudi kienu jgħidulha Betzata, u jsib wieħed marid li kien ilu jistenna l-fejqan 38 sena. “Trid tfiq?” (Ġw 5:6). Il-marid ma jweġbux: ‘Iva, Sinjur, jiena rrid infiq’ imma jispjega lil Ġesù għaliex kien ilu daqshekk jistenna: “M’għandix min jitfagħni fil-menqa xħin jitqanqal l-ilma għax waqt li nkun sejjer jien, ħaddieħor jinżel qabli” (Ġw 5:7).
Il-Papa Franġisku meta rrifletta fuq dan il-qari, spjegalna kif dan ir-raġel iżjed importanti għalih jispjega għaliex ilu ħafna marid milli jirrispondi l-mistoqsija ta’ Ġesù: “Trid tfiq?” Aħna ħafna drabi wkoll ninħlew billi nġibu l-iskużi kollha tad-dinja biex nispjegaw għaliex għamilna ħaġa jew ma għamilnihiex. Il-Mulej jixtieq ifejjaqna. M’għandux bżonn l-iskużi tagħna. Anke meta nersqu lejh għall-fejqan tar-ruħ, m’hemmx għalfejn nippruvaw ngħidulu għaliex dnibna, jafna! Kemm tkun ħaġa sabiħa li meta jistaqsina: “Trid tfiq?” (Ġw 5:6), ngħidulu: ‘Sinjur, fejjaqni’.
Meta reġa’ ltaqa’ ma’ dak ir-raġel imfejjaq, Ġesù jerġa’ jgħidlu: “Biddel ħajtek biex ma jiġrilekx xi ħaġa agħar”. Il-Mulej qed jistedinna biex inbiddlu ħajjitna. Ir-risposta f’idejna.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżek 47, 1-9.12
Salm: 45 (46), 2-3.5-6.8-9
Evanġelju: Ġw 5, 1-3a.5-16