• Nhar is-Sibt 30 ta’ April 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ħa sehem f’pellegrinaġġ għall-Bieb tal-Ħniena fil-Katidral tal-Imdina u ċċelebra Quddiesa mal-membri tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa. 

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Katidral tal-Imdina
    30 ta’ April 2016
    Is-silta li għadna kemm smajna hija meħuda minn mument partikolari ħafna li fih il-Mulej Ġesù jaqsam magħna l-intimità l-iżjed profonda tiegħu nnifsu. Il-kapitlu 14 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann huwa l-kapitlu li fih il-Mulej jitkellem b’mod sabiħ u qawwi dwar l-għaqda tiegħu mal-Missier. Qegħdin f’Ħamis ix-Xirka, ‘awl il-lejl qabel ma bata’, kif ngħidu fil-Quddiesa.
    Lid-dixxipli tiegħu, Ġesù jgħarrafhom il-qalb tiegħu u jdaħħalhom fil-misteru tat-Trinità Qaddisa. Għal min ikollu xi dubju jekk il-misteru tat-Trinità insibuhx fl-Evanġelji, nistiednu jaqra’ din is-silta fejn jissemmew il-Missier, jissemma l-Iben u jissemma wkoll l-Ispirtu s-Santu, id-Difensur li l-Missier jibgħat f’ismu. Huma ftit kliem li jiġbru fihom il-misteru tat-Trinità Qaddisa. Il-Missier jibgħat l-Ispirtu s-Santu f’isem l-Iben  u x’se jagħmel l-Ispirtu s-Santu? “Jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għidtilkom” (Ġw 14, 26). Mela l-Ispirtu jgħallem u jfakkar, l-Ispirtu jsir il-memorja tal-Knisja, “ifakkarkom dak kollu li ghidtilkom”. L-Ispirtu s-Santu għalhekk huwa l-garanti tal-fedeltà tal-Missier.
    Il-Papa Franġisku, f’omelija li għamel nhar il-Ħamis – inżertajna kellna l-istess Qari li se jkollna f’dan il-Ħadd tal-Għid li għadna kif bdejna – jikkumenta dwar s-silta tal-Ewwel Qari mill-Atti tal-Appostli, kapitlu 15, u jgħid li fil-Konċilju ta’ Ġerusalemm il-preokkupazzjoni tal-appostli kienet fundamentalment li jisimgħu l-qawwa u l-kelma, id-dawl tal-Ispirtu s-Santu, dik li l-Papa jsejħilha ‘d-doċilità lejn l-Ispirtu’.
    L-Evanġelu tallum (Ġw 14, 23-29) iwegħdna l-għajnuna tal-Ispirtu. Tant hija qawwija din l-għajnuna li l-isem stess tal-Ispirtu s-Santu li Ġesù jagħti huwa d-Difensur, jew inkella il-Paraklitu, parakletos, li bil-Grieg għandha l-istess struttura bħall-kelma bil-Latin tfisser issejjaħ, vocare ad para kaleo – lejja, insejjaħlu biex ikun ħdejja. Mela meta ngħidu l-Ispirtu s-Santu l-Paraklitu, l-Ispirtu s-Santu l-avukat, l-Ispirtu d-difensur, l-Ispirtu s-Santu nkun qed insejjaħlu biex ikun ħdejja, advocatus, jilluminani. Jekk l-għadu jismu akkużatur, Satanas, ix-xitan ifisser ‘wieħed li jakkuża’. L-Ispirtu s-Santu mibgħut magħna advocatus biex jiddefendina billi jgħallimna r-rieda ta’ Ġesù u jfakkarna f’dak kollu li Ġesù għallimna.    
    Malli l-Mulej jwiegħdna l-Ispirtu s-Santu, iwiegħdna mal-ewwel il-frott tal-preżenza tal-Ispirtu, “inħallilkom is-sliem, nagħtikom is-sliem tiegħi”. Jgħid ukoll li “ma jagħtiniex dan is-sliem bħalma tagħtih id-dinja” (Ġw 14, 27). Id-dinja tbiegħ il-paċi merfugħ fl-ixkafef tas-supermarket jew minn fuq it-TV bħal dawk li jbiegħu l-prodotti li mbagħad ikunu inutli, imma inti u tisma’ – nuċċalijiet u borom – tipperswadi ruħek li mingħajrhom il-ħajja tiegħek mhix kompleta sakemm imbagħad il-borma tiġi u jaqagħlha l-qiegħ u tirrealizza l-wegħda kemm kienet tkun fiergħa.
    “Tħallux qalbkom titħawwad u lanqas titbeżża”. Dan huwa l-kriterju ta’ dixxerniment importanti: fejn hemm l-Ispirtu ta’ Ġesù la hemm taħwid u lanqas biża’. San Ġorġ Preca kien iħobb jinsisti ma min jitolbu parir: “Alla tagħna huwa Alla tal-paċi. Mhux Alla tat-taħwid, jew tal-biża’, Alla tagħna huwa Alla tal-paċi”. Jekk qalbek ma tħosshiex fil-paċi, għadha ma straħitx fir-rieda tal-Mulej.
    Il-Mulej ukoll għallimna r-regola ta’ preżenza spiritwali, jinsisti mad-dixxipli tiegħu li hemm bżonn li l-preżenza tiegħu ma tibqax preżenza fiżika. “Jiena sejjer u nerġa niġi għandkom”, mela sejjer, se tispiċċa l-preżenza fiżika tiegħu tad-demm u l-laħam imma se tiġi trasformata fi preżenza spiritwali qawwija, “nerġa niġi għandkom” (v. 28). “Għidtilkom dan qabel ma jseħħ biex meta jseħħ temmnu” (v. 29). Din il-kelma Ġesù jgħidilna “mhiex tiegħi imma tal-Missier li bagħtni”. Din hija r-rieda tal-Mulej għalina li aħna nifirħu bil-preżenza ta’ Ġesù rxoxt li jirrivela ruħu bil-preżemza ta’ dak li huwa mibgħut mill-Missier f’isem Ġesù, l-Ispirtu, dak li jgħallimna, li jwegħdna, li huwa l-avukat tagħna, id-difensur tagħna, dak li jfakkarna dak kollu li qalilna Ġesù u li lill-Knisja f’kull żmien jifħtilha beraħ it-triq u l-bieb tal-ħniena. 
    Aħna u għaddejjin mill-Bieb tal-Ħniena, dan il-ġest tant sempliċi, ejjew nilqgħu l-ħniena t’Alla fil-qalb tagħna u nitolbu għal tant nisa li għandhom għatx kbir għall-ħniena tal-Mulej. Ħa nsemmu tliet nisa fl-Evanġelju li ltaqgħu ma’ Ġesù, semmiehom anke l-Papa Franġisku, u li kellhom esperjenza qawwija tal-ħniena ta’ Ġesù.
    Marija ta’ Magdala li tant kienet meħlusa mill-jasar li mbagħad baqgħet fidila lejn Ġesù sal-mewt tiegħu, taħt is-salib. Hi kellha tkun il-messaġġiera, l-ambaxxatriċi tal-aħbar tal-irxoxt tiegħu; din il-mara li Ġesù juri ħniena magħha b’mod speċjali u li ssir ukoll ambaxxatriċi tal-irxoxt tiegħu: “Mur għand ħuti u ghidilhom li se niltaqa’ magħhom il-Galilija” (ara Ġw 20, 17).      
    Hemm ukoll is-Samaritana. Il-Papa Franġsiku jgħid li din il-mara kellha għatx kbir għall-imħabba u li l-Mulej urieha l-verità ta’ ħajjitha u fl-istess ħin jikkovertiha lejh. “Kieku taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek: ‘agħtini nixrob’, inti kont titlobni u kien jagħtik ilma li jwassal ghall-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 4, 10). Huwa l-Ispirtu s-Santu li qed joffrilha, qed joffrilha d-don, id-don ta’ Alla. “Kieku taf x’inhu d-don ta’ Alla” u min hu dak hi u tiltaqa ma Ġesù, tiltaqa’ wkoll mad-don li qed joffrilha, d-don tal-Ispirtu s-Santu li jkollu effett fil-ħajja tagħha. “Iltqajt ma’ raġel li qalli ħajti kollha. Tgħid dan hu l-Messija?” Il-villaġġ tagħha jara b’għajnejh u jgħidulha: “issa mhux għax għidtilna inti, għax rajna: aħna rajna u nemmnu li dan huwa s-Salvatur tad-dinja” (ara Ġw 4,  29).
    It-tielet mara hija l-mara li qabduha fl-adulterju (Ġw 8). Iġibuha quddiem Ġesù biex iħaġġruha. Iridu joqtluha, iriduh jagħti l-kundanna skont il-liġi ta’ Mose. “Min għandu l-kuxjenza safja, min hu bla dnub, jitfagħlha l-ewwel ġebla” Kulħadd iwarrab. Hu li ma kellux dnub ma jerfax il-ġebla, imma jerfa idu biex jgħidilha: “Fejn huma, mara? Ħadd ma kkundannak?’ ‘Ħadd’. ‘Lanqas jien ma nikkundannak. Mur u terġax tidneb” (ara Ġw 8, 10-11).
    Dawn it-tliet nisa: Marija ta’ Magdala, is-Samaritana, l-adultera, kienu nisa li ltaqgħu ma’ Ġesù u fil-ħniena tiegħu ltaqgħu mad-don tal-Ispirtu s-Santu, il-verità fuq ħajjithom, il-ħniena tal-Mulej, il-paċi tal-qalb. Ejjew nitolbu għal tant nisa li qed iħossuha diffiċli jaħfru lilhom infushom għaliex għażlu l-abort bħala soluzzjoni immedjata għall-problema li kienet tidher impossibbli. Il-Mulej ikun hu l-ħniena, il-maħfra u l-faraġ tagħhom. 
    Nitolbu wkoll għan-nisa li qegħdin ibatu minħabba sitwazzjonijiet diffiċli fil-ħajja tal-familja jew taż-żwieġ biex huma jsibu s-sapport minn tant difensuri li ħafna drabi ilaqqgħhom magħhom imma dawn in-nies ma jirrealizzawx li Alla jrid jinqeda bihom u għalhekk niftħu għajnejna – stedina oħra tal-Papa Franġisku, li nagħlaq biha, biex f’kull okkażjoni li jkollna neżerċitaw l-opri tal-ħniena, kemm materjali imma wkoll spiritwali, ma nitilfuhiex. Għandek ċans tgħid kelma ta’ ġid, għidha; għandek ċans tagħti parir, agħtih; għandek ċans twiddeb lil xi ħadd, bl-umiltà u l-kalma, titlifhiex dik l-okkażjoni għax dik hi opra ta’ ħniena wkoll. Inti tista’ ssalva ħajja mhux mill-mewt ta’ din id-dinja, imma mill-infeliċità għax kelma li ddawwal il-qalb taf tkun għajn u bieb għall-ferħ li jagħti l-Mulej.
     
      Charles J. Scicluna                                                            
         Arċisqof ta’ Malta
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja