L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Din is-silta mill-Evanġelju ta’ San Luqa, tagħtina ftit il-mod kif Ġesù jaħseb fuq dak li qed jiġri madwaru. Huwa jirreferi għaż-żewġ traġedji ta’ żmienu: vendikazzjoni vjolenti ta’ Pilatu, li meta xi nies mill-Galilija għamlu rvell, jordna l-qtil tagħhom bi vjolenza kbira. Ġesù juża din l-espressjoni qawwija: “ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom” (Lq 13:1). X’aktarx, qabduhom u qatluhom waqt li kienu qed joffru sagrifiċċju lil Alla; x’aktarx dawn kienu mis-setta taz-Zeloti, setta li kienet tirvella kontra l-ħakma Rumana. Il-Messija, ħafna minnhom kienu jaħsbu se jkun dak li jeħlishom mill-ħakma tar-Rumani. U Ġesù stess isir vittma tal-ħruxija Rumana, meta sħabu Lhud jagħtuh f’idejn Pilatu, u Pilatu jordna li jsallbuh. Ġesù jaf fuq min qed jitkellem u fuq xiex qed jitkellem.
U jsemmi wkoll episodju ieħor, torri f’Silwam, mhux ’il bogħod, li jaqa’ fuq vittmi innoċenti, Ġesù jsemmi 18-il ruħ, jaqa’ fuqhom dan it-torri u joqtolhom. Donnok qed tara l-aħbarijiet f’kull epoka, illum għandna l-fortuna u l-isfortuna li nsiru nafu bit-traġedji li jsiru madwar id-dinja immedjatament.
U Ġesù qed jipprova jagħmel xi ħaġa importanti ħafna, qed jipprova jsaffi l-mentalità, li meta jiġrilek xi ħaġa ħażina, għax ikun ħaqqek. Din kienet il-mentalità komuni ta’ żmien Ġesù; kultant nużawha wkoll b’kattiverja ma’ xulxin: ‘ħaqqu!’ Il-Mulej qed jgħidilna: Ieqfu! Qabel tiġġudikaw lil xulxin b’mod aħrax, ftakru li lkoll kemm intom għandkom bżonn teżaminaw qalbkom, u tikkonvertu. Għax jekk mhux bit-traġedja, jasal it-tmiem tagħna wkoll, u rridu nagħtu kont.
It-tieni parti tal-Evanġelju tal-lum, Ġesù ma jitkellimx fuq il-kronaka ta’ dak li qed jiġri madwaru, li llum forsi narawhom fuq il-media jew fuq l-aħbarijet; imma qed jieħu eżempju mill-agrikoltura kif kien iħobb jagħmel. Ġesù juża l-eżempji li n-nies jifhmu mill-ewwel. Ilkoll nafu, għax aħna ngħixu fil-Mediterran bħalma kien hu, kemm hi għażiża s-siġra tat-tin li tagħti frott ħelu. Ġesù diversi drabi jirreferi għal din is-siġra, fosthom meta jgħidilna: “Meta l-fergħa tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan kollu, kunu afu li hu fil-qrib” (Mt 24:32-33).
Din id-darba juża s-siġra tat-tin biex jagħtina stedina u tagħlima. L-ewwel nett din l-imbierka siġra tat-tin, sena wara l-oħra, lil dan is-sid ma tagħtihx frotta waħda. Irridu nammiraw il-paċenzja tas-sid għax Ġesù jgħid li s-sid stenna li jkollu xi ftit frott, għal sena, sentejn, tlieta. Irridu nammettu li dan is-sid, diġà kellu paċenzja kbira. Ħin minnhom, ma ngħidx li qabżitlu, imma tilifha paċenzja; u lill-bidwi tiegħu qallu: mhux aħjar naqilgħuha din is-siġra, qed tkidd l-art, u mhi tagħti xejn.
Min hu dan il-bidwi li lis-sid jgħidlu: “Inti ħalliha, sinjur” (Lq 13:8); agħtiha ċans? Il-qaddisin li talbu fuq din is-silta tal-Evanġelju, ħafna drabi jassoċċjaw dan il-bidwi ma’ Ġesù stess. Ġesù lill-Missier jgħidlu: ‘Agħtihom ċans’. Se nagħmel waqt li qed tagħtihom ċans? “Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha.” (Lq 13:8-9)
Ħa nifhmu ftit is-sinifikant profond ta’ din il-kelma ta’ dan il-bidwi, li lis-sid paċenzjuż, jitolbu jkun naqra iżjed paċenzja. Dan il-bidwi, li l-qaddisin kienu jifhmu li hu Ġesù stess. “Ħa nagħżqilha madwarha” (Lq 13:8). San Ambroġ, qaddis, isqof għaref ta’ Milan, li kkonverta imbagħad bil-predikazzjoni tiegħu u għammed lil Santu Wistin, kien jgħid, li meta tagħżaq trid tuża naqra forza fuq il-ħamrija, trid tqallibha. Din hija dak kollu li jiġri fil-ħajja li ma jogħġobniex: il-mard, xi aħbar ħażina, il-kalunja ta’ xi ħadd, il-malafama; affarijiet li jumiljawk, li jweġġgħuk. U inti lil Alla, ieqaf u għidlu: ‘Jaqaw qed tagħżaqli l-għalqa?’ ‘Qed tagħżaqli biex is-siġra tiegħi tagħmel il-frott?’ Għax il-proċess li tagħżaq, il-qaddisin kienu jifhmuh bħal dak kollu li fil-ħajja joqrosna, jirritana, iġagħalna nbatu; imma warajh, hemm il-providenza ta’ Alla li hi mħabba. B’xi mod dawn l-affarijiet iġibuk f’sensik. Tagħraf min huma l-veri ħbieb; tagħraf il-ħajja u l-frugħa tagħha; tagħraf min iħobbok tassew. Allura dak il-mument tal-għażqa, tal-ħamrija ta’ madwar is-siġra tiegħek, għalkemm iweġġgħek, hu għażiż.
Imbagħad il-bidwi jgħidlu wkoll: “Nagħtiha d-demel” (Lq 13:8), in-nutriment. Qaddis Malti San Ġorġ Preca, li kien iħobb jiġi hawn jitlob quddiem il-kwadru tal-Gagliardi, li rrestawrajtu m’ilux, u li tant hu sabiħ; għax Dun Ġorġ kellu devozzjoni kbira lejn il-misteru tal-Inkarnazzjoni, tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. U dan il-kwadru sabiħ tal-anġlu Gabrijel li jħabbar lil Marija, li kellha tkun omm Alla, kien tant għal qalbu. Darba minnhom jirrakkonta din l-istorja. Madwar l-1910 kien għaddej minn ħdejn is-salib tal-Marsa, għadu hemm sal-lum. Hu u ġej Raħal Ġdid lejn dawn in-naħat, Dun Ġorġ jilmaħ tifel ta’ tnax-il sena jimbotta karretta kbira bid-demel; u jgħid, imma dan it-tifel ċkejken kif se jġorrha, kif se jimbuttaha. F’ħin minnhom dan it-tifel, ħares lejn dan is-saċerdot liebes is-suttana, bil-kappell, jgħidlu: ‘Agħtini l-għajnuna’. U Dun Ġorġ ma ħasibhiex darbtejn; medd idu, biex jgħin lil dan it-tifel jimbotta dan il-karru kbir mimli demel. U Dun Ġorġ kien iħobb jgħid, ‘li malli meddejt idi biex ngħinu jimbotta l-karretta, dak it-tifel jgħib, jisparrixxi’. U fil-qalb tiegħi niżel ferħ kbir u paċi kbira. U baqa’ jaħseb, u fehem li l-Mulej Ġesù, dak it-tifel ta’ 12-il sena, li Ġesù ta’ 12-il sena kien beda jgħallem u jinterroga lill-qassisin il-kbar fit-Tempju, lill-għorrief; il-Mulej kien qed jgħid lil Dun Ġorġ biex jgħinu u lill-Knisja jagħtiha n-nutriment. Li s-siġra, li hi l-Knisja u l-poplu tiegħi, għandhom bżonn it-tagħlim, għinni biex inwasslilhom it-tagħlim tal-ħajja.
Mela għandek l-imgħażqa, li tweġġgħek, imma tagħtik l-arja, bidu ġdid; u għandek in-nutriment. San Ambroġ ukoll jikkonferma, li dan id-demel hu t-tagħlim, il-Kelma ta’ Alla. Għalhekk ħaġa sabiħa, li l-opportunitajiet li jkollna fir-Randan: li nieħdu paċenzja, u li nitgħallmu, nifhmu li huma opportunità tad-deheb biex nikbru, nimmaturaw, u nagħmlu l-frott.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Eż 3:1-8a,13-15
Salm: 102 (103):1-2,3-4,6-7,8,11
Qari II: 1 Kor 10:1-6,10-12
L-Evanġelju: Lq 13:1-9