L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Kellmu lil qalb Ġerusalemm” (Iż 40:2). Kemm hi sabiħa din l-espressjoni li juża l-Profeta Iżaija, meta jitkellem dwar il-messaġġ li qed iħoss b’mod qawwi, li Alla jrid iwassal permezz tiegħu. “Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi, jgħid Alla tagħkom. Kellmu lil qalb Ġerusalemm u għidulha li ntemm il-jasar tagħha, tħallset ħżunitha” (Iż 40:1-2).

B’xi mod biex inkunu kkonkludejna dan l-istaġun li bdejna fl-Avvent li għadda, iżjed minn xahar ilu, nerġgħu nisimgħu dik l-istedina: “Ħejju t-triq għall-Mulej… wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri. Jintradam kull wied, u jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet… Tfiġġ il-glorja tal-Mulej” (Iż 40:3-5).

Il-faraġ li jixtieq jagħtina l-Mulej, mhuwiex faraġ irħis, hu l-faraġ li jiġi mill-paċi fil-qalb. Il-faraġ li jiġi, milli nitgħallmu nilqgħu mingħandu r-risq it-tajjeb u l-ħażin, il-mard u s-saħħa. U li l-fedeltà tagħna, nifhmu li mhix ġejja mill-qawwa tagħna, imma don li nirċievu mingħandu biex inħobbu lil xulxin.

Dan hu s-sagrament li intom tajtu lil xulxin fix-xhur li għaddew u li qegħdin tgħixu kuljum. Is-sagrament mhux it-tieġ, dak hu l-bidu, il-kunsens jagħmlu s-sagrament; imma mbagħad tridu tgħixu, u intom issa qegħdin tidraw li s-sagrament biex tgħixu mhux faċli, għax il-ħajja nżul u tlajja’. Daqqa jkun bnazzi u kultant ikollna l-maltemp ukoll. U rridu nitolbu minn Alla, dan id-don kbir tal-faraġ tiegħu.

Tiddejqux titolbu l-għajnuna meta jkun hemm bżonn. Tiddejqux titolbu parir, dawl. Trid ħafna umiltà, imma l-umiltà ssalvana, l-umiltà tgħinna

Mingħand min qed nitolbuh dan il-faraġ? Minn min sar bniedem bħalna u ssieħeb magħna. Waħda mill-affarijiet li niċċelebraw fil-festa tal-lum hi li l-Iben t’Alla magħmul bniedem, il-Ħaruf bla tebgħa, imur ħdejn il-wied u x-xmara Ġordan, jitħallat mal-kotra, jidħol fil-kju, biex jieħu fuqu magħmudija ta’ ndiema.

Dejjem staqsejna l-mistoqsija: imma min m’għandux dnub hemm għalfejn jieħu l-magħmudija tal-indiema? Ir-risposta hi li hu tgħabba bid-dnub tagħna, bin-niket tagħna, bin-nuqqasijiet tagħna. Tgħabba bihom. Din hi l-festa li qed nagħmlu llum. Niżel fil-Ġordan biex jidfinhom miegħu. Il-festa tal-lum diġà tħares lejn il-prezz, li l-Mulej iħallas għall-fidwa tagħna, fuq is-salib tiegħu, fl-Irxoxt tiegħu. Meta wkoll jindifen, mhux fl-ilma din id-darba, bħalma jsir fil-Magħmudija tal-Insara, ta’ wliedkom ’il quddiem; imma jindifen fl-art u jerġa’ jqum fit-tielet jum. Din hi l-ewwel difna ta’ Ġesù, fil-baħar, fl-ilma, fix-xmara. Miegħu iġorr id-dnubiet tagħna.

Il-faraġ li jixtieq jagħtina l-Mulej, mhuwiex faraġ irħis, hu l-faraġ li jiġi mill-paċi fil-qalb

Meta jerġa’ jitla’ mix-xmara, “niżel l-Ispirtu s-Santu fuqu” (Lq 3:22); u leħen il-Missier jikkonferma li hu Iben għażiż. Il-Mulej isib għaxqa kbira f’Ibnu. Din il-ħaġa l-Mulej jgħidha wkoll fuqkom. Tgħiduli, imma aħna dgħajfin. Ilkoll kemm aħna dgħajfin.

Illum nitolbu lill-Mulej id-don, li minkejja n-nuqqasijiet u d-dgħufija tagħna, jagħtina l-grazzja li nħobbu bil-qalb lil xulxin. Għax il-Mulej li jkellem lil qalb ta’ Ġerusalemm, ikellem ukoll lil qalb tiegħek, permezz tas-sieħba, tas-sieħeb ta’ ħajtek. Din hi r-responsabbiltà li għandkom għal xulxin. Intom tridu tkunu l-istrument, il-messaġġiera tal-imħabba tal-Mulej għal xulxin. Dan ifisser rispett, paċenzja, maħfra, umiltà, safa fil-ħsieb, fil-kliem u fl-għemil.

Intom tridu tkunu l-istrument, il-messaġġiera tal-imħabba tal-Mulej għal xulxin. Dan ifisser rispett, paċenzja, maħfra, umiltà, safa fil-ħsieb, fil-kliem u fl-għemil

Nawguralkom ħafna, u nitlobkom biex titolbu għall-miżżewġin kollha għax id-don tal-fedeltà fiż-żwieġ hi xi ħaġa li rridu ngħixu, nitolbu u nakkwistaw kuljum. Kuljum jista’ jinqala’ xi ħaġa li tfixkilna. Bħalma jħobb jgħid il-Papa Franġisku u nirrepetiha jien ukoll: li meta jberraq ftit u tagħmel ftit xita u naqra sajjetti wkoll, ippruvaw għamlu paċi qabel tmorru torqdu. Mhux imorru norqdu bil-geddum, kulħadd iħares lejn in-naħa l-oħra, lejn il-ħajt oppost, biex kemm jista’ jkun neħilsu minn dak it-toqol, li kultant nafu noħolqu lil xulxin.  

Il-Mulej ukoll jagħtikom il-barka fi ħbieb ta’ vera u anke f’dak kollu li jista’ jgħinkom biex tgħixu l-ħajja taż-żwieġ tagħkom. Mons. Fr Charles, fi tmiem il-quddiesa qabel ikolli l-opportunità li nsellmilkom, jispjegalkom ukoll diversi opportunitajiet fejn wieħed ikompli jimxi din il-mixja sabiħa tal-imħabba miżżewġa mhux iżolati, għax aħna jkun hemm mumenti meta jkollna bżonn l-għajnuna. Tiddejqux titolbu l-għajnuna meta jkun hemm bżonn. Tiddejqux titolbu parir, dawl. Trid ħafna umiltà, imma l-umiltà ssalvana, l-umiltà tgħinna.

Din il-ħaġa nitlob ħafna fuqkom, id-don li ġġorru lil xulxin, bi mħabba u b’paċenzja. Il-paċenzja mhix xi ħaġa negattiva, imma hi xi ħaġa li l-imħabba tagħmilha konkreta. Min iħobb jieħu paċenzja, għax il-paċenzja hu l-alfabett tal-imħabba. Ġesù hekk jagħmel. Għall-grazzja t’Alla jieħu paċenzja bina.    

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 40:1-5.9-11
Salm: 103 (104):1b-2.3-4.24-25.27-28.29-30
Qari II: Titu 2:11-14; 3, 4-7
L-Evanġelju: Lq 3:15-16. 21-22