L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Nixtieq ngħid kelma ta’ apprezzament lilkom ilkoll li ġejtu għal din iċ-ċelebrazzjoni. Kemm hi ħaġa sabiħa miġburin flimkien biex nirringrazzjaw lil Alla, u nitolbu l-barka tiegħu. U nixtieq ngħid kemm għandna napprezzaw lilkom l-anzjani, kull wieħed u waħda minnkom, għax intom teżor fil-Knisja u fis-soċjetà.
Kull meta niltaqgħu ma’ min illum hu anzjan u anzjana, niftakru għaliex ħafna drabi jfakkruna huma dak kollu li jkunu għaddew fl-esperjenzi tas-snin; hi esperjenza li tgħallem u li tagħti ħafna għerf.
Aħna napprezzaw il-kontribut li intom tagħtu lis-soċjetà, kemm min għadu attiv u jista’ jinvolvi ruħu imma anke min illum mhuwiex daqshekk attiv u jiddependi minn ħaddieħor. Xorta kull wieħed u kull waħda minnkom għandkom kontribut importanti li qed tagħtu lis-soċjetà u lilna wkoll fil-Knisja. Għax intom li toffru t-tbatija tagħkom u li titolbu ġa hu kontribut kbir.
Għalhekk l-ewwel kelma ta’ apprezzament u ta’ gratitudni tmur lejkom ilkoll u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jieħdu ħsiebkom, u jorganizzawlkom attivitajiet biex tkomplu tkunu kemm jista’ jkun attivi.
Ispirat mill-Kelma ta’ Alla, xtaqt nislet tliet punti, li naħseb jgħoddu ħafna għalina lkoll. L-ewwel nett, tlabna bis-salm. “Kulma jieħu nifs, ħa jfaħħar il-Mulej” (Salm 150:1). Kemm hu sabiħ meta l-ħajja tagħna ngħixuha b’dan l-ispirtu: infaħħru lill-Mulej, il-gratitudni lejn il-Mulej. Kemm hu sabiħ meta fuq fommna jkun hemm dejjem it-tifħir lill-Mulej, kif tlabna fis-salm, li nfaħħru lil Alla b’kull mezz.
Aħna nafu li kultant, meta tgħaddi mit-triq mhux dan nisimgħu; kultant tisma’ kliem ta’ tkasbir lill-Mulej; ġieli anke ħerġin mid-djar stess fir-rabja. Imma aħna nixtiequ li l-ħajja tagħna tkun kollha kemm hi tifħir lill-Mulej, anke npattu għal min ikasbar lill-Mulej. Imma l-kliem tagħna jkun kliem ta’ tifħir lill-Mulej, jagħmel sabiħ lill-ħajja tagħna u sabiħ lill-ħajja ta’ madwarna.
It-tieni punt li xtaqt insemmi hu mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin fejn iħeġġina biex ngħixu tassew “b’sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar” (Kol 3:12). Qisu kien qed jispjega l-kliem tiegħu, dik li ġiet ħafna warajh, li jispjega l-ħajja ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, li tagħha qegħdin nagħmlu tifkira llum. Għaliex l-ħajja tagħha kienet ħajja ta’ sempliċità, umiltà, tjieba, ħlewwa u mħabba. Żagħżugħa kienet, u żagħżugħa mietet, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Imma li tgħallimna jgħodd anke għalina lkoll u jgħodd għall-anzjani kollha. Kemm hu sabiħ meta l-ħajja tagħna flimkien, aħna jkollna dan l-ispirtu, jiġifieri sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar. San Pawl lill-Kolossin jgħidilhom: “ilbsu l-imħabba… ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom” (Kol 3:14-15). Dan hu l-isbaħ fil-ħajja, inkunu fejn inkunu, nistgħu nkunu anke kultant inbatu minn mard u minn tbatija, imma jekk ikollna l-paċi f’qalbna, din l-imħabba li jsemmi San Pawl hi l-isbaħ li jista’ jkollna. Allura t-talba li nixtieq nagħmel għalina lkoll hawnhekk hi biex ikollna dawn is-sentimenti li semma San Pawl b’mod speċjali ma’ xulxin, meta qed ngħixu l-ħajja tagħna ma’ xulxin; ikollna sentimenti ta’ mħabba vera li tagħtina l-paċi fil-qalb.
U l-aħħar punt li xtaqt insemmi hu dak li jgħid Ġesù fl-Evanġelju skont San Mattew meta jistedinna biex imorru għandu: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11:28). U aħna nafu lkoll, li b’xi mod jew ieħor imħabbtin u mtaqqlin; u għalhekk, kemm hu sabiħ li nilqgħu l-istedina ta’ Ġesù, li mmorru għandu u nitolbuh kull ħin. Għinna fit-toqol tal-ħajja tagħna, għinna fit-taħbit tal-ħajja tagħna; tħalliniex nitgħaffġu taħt il-piż tal-ħajja; imma għinna Inti, u kun Int, li tagħtina tassew is-serħan. Ġesù jgħid hawnhekk, biex aħna mmorru għandu u jkompli: “U tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29). Meta mmorru għandu, imbagħad, Hu jimliena tassew ’il qalbna bil-paċi tiegħu, li nkunu nistgħu ngħixu fl-imħabba mal-oħrajn b’qalb ħelwa u umli mal-oħrajn.
Jien nixtieq illum nitlob ħafna għalikom, kull wieħed u waħda minnkom, biex il-Mulej jagħtikom l-għajnuna li għandkom bżonn, u jgħinna lkoll napprezzaw dejjem il-ħin tagħkom; jipprovdilkom lil min jimxi magħkom u jakkumpanjakom fit-triq tal-ħajja; u speċjalment biex il-Mulej jagħtikom il-paċi tal-qalb bl-imħabba tiegħu, ħalli tkunu tistgħu tgħixu snin li Alla jagħtikom bl-isbaħ mod; u tgħixuhom tassew b’ħajja ta’ tifħir.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju