F’laqgħa mal-Ambaxxaturi fil-Vatikan, waqt li kkundanna l-gwerer, il-konflitti ċivili u l-faqar madwar id-dinja, il-Kap tal-Knisja Kattolika qal li l-bini tal-paċi jeħtieġ l-imħabba, il-liberta reliġjuża, il-fehim tad-drittijiet umani u d-disponibbilta għall-imħabba ta’ Alla.
Il-Papa għadda dawn ir-rimarki fl-indirizz annwali lill-membri tal-Korp Diplomatiku tal-Vatikan, waqt preżentazzjoni ta’ stħarriġ dwar inkwiet globali li jinkludi l-attakki terroristiċi fuq l-insara fin-Niġerja, is-sitwazzjoni fis-Sirja, u l-impatt tal-urugan Sandy fil-kosta ta’ lvant tal-Istati Uniti tal-Amerika. Huwa wissa wkoll dwar it-tixrid internazzjonali tal-legalizzazzjoni tal-abort u tad-diskrepanza dejjem tikber bejn l-għonja u l-fqar.
“Il-Paċi mhix sempliċiment frott tal-isforz uman, imma sehem fl-imħabba veru ta’ Alla”, Benedittu XVI kompla jgħid lill-ambaxxaturi. “Mingħajr ma ninfetħu għat-traxxendenti, aħna bħala bnedmin, faċilment ninħatfu mir-relattiviżmu li jagħmililna diffiċli naġixxu b’mod ġust u nirsistu għall-paċi”. Il-Papa għamel differenza bejn ir-reliġjon vera, li għandha l-għan tirrikonċilja l-bnedmin ma’Alla u mal-bnedmin l-oħra, mill-fanatiċiżmu reliġjuż li anki fl-2012 ħasad il-vittmi fil-pajjiżi rappreżentati mill-ambaxxaturi preżenti.