Kien ippreżentat il-messaġġ tal-Papa Benedittu XVI għas-47 Jum Dinji tal-Komunikazzjoni li se jaħbat il-Ħadd 12 ta’ Mejju li ġej u li se jġib it-tema “In-netwerks soċjali: portals ta’ verita u fidi; spazji ġodda għall-evanġelizzazzjoni”. Jieħdu sehem fil-preżentazzjoni kienu l-Arċisqof Claudio Celli u Mons Paul Tighe, President u Segretarju tal-Kunsill Pontifiċju għall-Komunikazzjoni Soċjali rispettivament.
L-Arċisqof Celli qal li “l-messaġġ għal dan il-jum tal-Komunikazzjoni jippreżenta assessjar pożittiv tal-media soċjali, anki jekk mhux wieħed daqshekk simplistiku. Qed jitqiesu bħala opportunita għad-djalogu u għad-dibattitu, potenzjalment kapaċi jsaħħu l-għaqda bejn il-popli u effettivament jipproponu l-armonija fil-familja umana. Dan il-karattru pożittiv, għaldaqstant jeħtieġ li l-azzjoni tal-bniedem tittieħed b’responsabbilta u dedikazzjoni, b’rispett lejn il-privatezza, u b’awtentiċita, għax mhix biss marbuta ma’ informazzjoni u għarfien, imma ma’ komunikazzjoni tal-persuni nfushom”.
Il-Papa jittratta l-ispazji ġodda għall-evanġelizzazzjoni permezz tal-media soċjali.
Wara l-Arċisqof Celli tkellem Mons Tighe li spjega li l-Papa hu ċert mill-importanza tal-ambjent diġitali bħala r-realta mgħejxa llum. Din hi d-dinja tal-lum fejn il-Knisja għandha tkun preżenti u fejn dawk kollha li jemmnu għandhom ikunu awtentiċi bil-preżenza tagħhom, u jaċċertaw li jaqsmu mal-oħrajn l-għerq veru tal-ferħ u t-tama. Il-forum li jinħoloq mill-media soċjali qal li jippermetti li tixtered l-istess verita li Ġesu għadda lill-Knisja; jippermetti li kulħadd jisma, jifhem u jgħin lil kulħadd.