L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat: ‘Abba Missier’” (Gal 4:6). Aħna u ntemmu din is-sena u nħarsu lejn sena ġdida, ejjew nitolbu l-grazzja li aħna nħossu fil-qalb tagħna l-preżenza tal-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu ta’ Ġesù. Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna u dan l-Ispirtu ta’ Ġesù jgħajjat f’qalbna: “Abba Missier”.
Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna nifhmu li l-fidi tagħna, bħalma kien iħobb jgħallimna u jirrepeti Benedittu XVI, mhix sensiela ta’ liġijiet imma laqgħa ma’ persuna, laqgħa ma’ persuna ħajja, laqgħa ma’ Ġesù. Dik hija l-fidi tagħna. U Ġesù, meta għallimna nitolbu, għallimna nħarsu lejn Alla li jista’ kollox, li ħalaq kollox b’dan it-titlu sabiħ: Abba Missier, Missierna li inti fis-smewwiet.
“M’intix iżjed ilsir, iżda iben”. Kemm hi ħaġa għażiża li niftakru u nifhmu dan il-kliem profond tal-appostlu Missierna. Hemm tant affarijiet li fil-ħajja jistgħu jagħmluna lsiera, jistgħu jisirqulna qalbna, iwegħduna l-ferħ u jagħtuna l-imrar, iwegħduna l-għana u jfaqqruna, iwegħduna l-għerf u jbigħuna. “M’intix iżjed ilsir, iżda iben; u jekk iben, werriet ukoll bil-grazzja ta’ Alla” (Gal 4:7).
Din hija r-realtà li llum, fil-mument tat-transitu tiegħu minn din id-dinja, Benedittu qiegħed jara mhux bl-għajnejn tal-ġisem imma bl-ispirtu u bil-qalb. “Jekk Iben, werriet ukoll bil-grazzja ta’ Alla” frott il-ħniena ta’ Alla. M’ilux, meta kiteb messaġġ komwoventi lid-djoċesi għażiża tiegħu ta’ Munich, tkellem dwar il-mewt tiegħu l-Papa Benedittu u qal: “Ma nħarisx lejha bħala ‘un addio’ ma ‘un incontro’, laqgħa, u jekk inħares lejn ħajti nibża’, nirtogħod, minħabba l-miżerja, id-dgħufijiet u d-dnubiet tiegħi, imma mbagħad niftakar li hemm jilqagħni xi ħadd li huwa ħabib, ħija u avukat tiegħi”.
“M’intix iżjed ilsir” la tal-passat tiegħek u lanqas tal-beżgħat tal-preżenti, “inti iben, werriet ukoll bil-grazzja ta’ Alla”. Din il-persważjoni tgħinna nħarsu lejn is-sena li se tispiċċa – xi wħud mill-partijiet tad-dinja diġà spiċċat – b’sens ta’ tama, b’sens ukoll ta’ umiltà.
Aħna nixtiequ nirringrazzjaw lil Alla bħala Knisja f’Malta taż-żjara tal-Papa Franġisku fostna f’April li għadda u llum, aħna u ntemmu din is-sena, nirringrazzjaw lil Alla wkoll tal-ħajja, ix-xogħol, it-tagħlim, il-ħidma u l-eżempju tal-Papa Benedittu. Nistgħu ngħidu li din is-sena għalina hija mbierka bix-xhieda ta’ dawn ir-ragħajja li għallmuna mingħajr biża’ t-triq tal-Mulej u l-istil tal-Evanġelju.
“Iħenn għalina Alla u jberikna, idawwar għal fuqna d-dija ta’ wiċċu” (S 67:2). Din hija l-barka li aħna nixtiequ fuq xulxin, aħna li għadna hawnhekk, pellegrini fuq din l-art. Imma aħna wkoll magħqudin ma’ ħutna li ħallewna fil-misteru tax-xirka tal-qaddisin. U allura din it-talba u din il-barka hija għalihom ukoll. Aħna ngħiduha magħhom u f’isimhom: “Iħenn għalina Alla u jberikna, idawwar għal fuqna d-dija ta’ wiċċu”.
Wara kollox, din ukoll hija l-barka li Mosè rċieva mingħand il-Mulej: “Kellem lil Aaron u ’l uliedu, għidilhom: ‘Meta tbierku lil ulied Iżrael hekk għandkom tgħidulhom: ‘Ibierkek il-Mulej u jħarsek, jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek u jurik il-ħniena’” (Numri 6:23-25). Din il-barka hija fuqna li għadna hawn imma hija wkoll fuq l-għeżież tagħna li ħallewna. Meta niftakru f’xi ħadd għażiż – illum qegħdin inħossu t-telfa, in-nuqqas ta’ Benedittu XVI – imma lkoll kemm aħna tlifna lil xi ħadd għażiż jew li nafu f’dawn l-aħħar xhur. Inbierku l-memorja tal-għeżież tagħna billi nirrepetu dan il-kliem għażiż li l-Mulej għallem lil Aaron permezz ta’ Mosè: “Ibierkek il-Mulej u jħarsek, jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek u jurik il-ħniena”.
Fuq pajjiżna nitolbu l-ħarsien tal-Mulej. “Ftakar, Mulej li inti lil din l-art ħelwa dejjem ħarist”. “Ftakar li lilha dejjem ħarist”. “Iħarsek il-Mulej bi mħabba u jagħtik is-sliem” (Numri 6:26). Aħna u niċċelebraw f’dawn il-jiem mis-27 ta’ Diċembru sas-6 ta’ Jannar, iż-żewġ dati 1922, 1923 magħquda mal-bidu tal-Innu Malti bħala parti mill-identità u espressjoni tal-identità tagħna, nifhmu li Dun Karm fil-ġenju, fil-poeżija tiegħu, imma fil-fidi tiegħu, irrepeta wkoll mhux biss l-etimoloġija tal-isem ‘Malta’ fil-ħarsien u l-ħlewwa imma wkoll il-barka ta’ Aron li l-Mulej irid fuq il-poplu tiegħu. “Iħarsek il-Mulej bi mħabba”; “ħares kif inti dejjem ħarist”. U jagħtik is-sliem: “seddaq il-għaqda fil-Maltin u s-sliem” (Innu Malti).
Dik hija l-barka li nixtiequ fuq pajjiżna aħna u nħarsu lejn is-sena li qed tispiċċa u l-ġimgħat u x-xhur li ġejjin: il-ħarsien li aħna nkunu u nibqgħu kultura ta’ arti, kultura li l-ħajja dejjem issib post u protezzjoni għaliex, wara kollox, dan hu li jagħmel il-bniedem verament wild ta’ Alla. Jekk għallimna xi ħaġa, il-Papa Benedittu għallimna niddefendu bil-verità, bil-paċenzja u bl-umiltà d-dinjità tal-bniedem, imsejsa fuq il-libertà li hu ħlejqa ta’ Alla, li hu midjun lejn il-ħolqien imma li għandu d-dinjità li mhux ġejja mill-istat imma min-natura intrinsika tiegħu.
Marija, li llum niċċelebraw il-maternità tagħha u li ħarset dan kollu f’qalbna, tagħtina dawl u tagħtina għerf għax hu għażel li: “Ibnu jitwieled minn mara, jitwieled taħt il-liġi biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied. U għax aħna wlied, Alla bagħat l-ispirtu ta’ Ibnu jgħajjat: ‘Abba Missier’” (Gal 4:4-6).
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta