Fl-Eġittu l-Isqof Tawadros inħatar bħala l-Kap tal-Knisja Ortodossa Kopta fl-Eġittu.
Il-Papa Benedittu XVI esprima ferħ għall-aħbar u qal li jinsab konvint li se jkun mexxej spiritwali ġenwin għall-poplu taħt il-kura tiegħu sabiex fl-Eġittu tgħammar il-paċi u l-għaqda. Qal li jinsab konvint li Tawadros iservi f’ġieħ il-ġid komuni u l-ħid ta’ Lvant Nofsani kollu. “F’dan iż-żmien ta’ sfidi, hu importanti għall-insara kollha sabiex jagħtu xiehda tal-imħabba li tgħaqqadhom, sabiex titwettaq fil-prattika it-talba ta’ Kristu nnifsu fl-aħħar ikla mad-dixxipli tiegħu ‘sabiex ikunu lkoll ħaġa waħda u d-dinja temmen’”.
Il-Knisja Ortodossa Kopta eleġġiet lill-Isqof Tawadros fost żewġ kontendenti oħra li kienu l-Isqof Rafael ta’ 54 sena u Patri Rafael Ava Mina ta’ 70 sena. It-tlieta li huma intagħżlu minn Kunsill magħmul minn 2,400 uffiċjal tal-Knisja Kopta, f’Ottubru li għadda.
L-Isqof Tawadros ħa post Papa Shenouda III li miet f’Marzu fl-għomor ta’ 88 sena wara li mexxa il-Knisja Kopta għal aktar minn erbgħin sena.
L-ismijiet tat-tliet kandidati kienu miktuba fuq tliet karti separati li ntefgħu f’urna tal-ħġieġ fuq l-artal tal-Katidral ta’ San Mark fil-Kajr. Tifel b’għajnejh mgħottija għażel il-118–il Papa Kopt waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa.
Din il-ħatra qed tieħu post f’mument fejn l-attakki terroristiċi fuq nies ta’ fehma Kopta qed jiżdiedu fl-Eġittu, bil-biża jkompli jikber wara li kienu eletti kapijiet Musulmani fil-gvern Eġizzjan.