Il-Papa Franġisku kiteb ittra lill-Kapijiet tal-Istati jitlobhom jagħtu l-maħfra lil priġunieri li “huma eleġibbli li jibbenefikaw minn provediment bħal dan”.

Il-Papa talab għal “ġest ta’ klemenza” għall-priġunieri hekk kif qed joqrob il-Milied.

F’ittra indirizzata lill-Kapijiet tal-Istati, hu stedinhom jagħmlu ġest simboliku “ma’ ħutna li huma mċaħħda mil-libertà tagħhom… biex dan iż-żmien immarkat minn tensjonijiet, inġustizzja u kunflitti jista’ jkun miftuħ għall-grazzja li ġejja mill-Mulej”.

Din hi l-motivazzjoni li tagħti stqarrija maħruġa t-Tnejn li għadda mid-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, Matteo Bruni.

It-talba għall-klemenza għall-priġunieri għandha l-għeruq tagħha fil-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000 meta l-Papa San Ġwanni Pawlu II kien talab lill-mexxejja tad-dinja biex jagħtu maħfra lill-priġunieri, f’dokument ta’ 11-il paġna li hu ħareġ għall-Ġublew tal-Ħabsin.

F’Ġunju ta’ dak is-sena, il-Papa Pollakk kien żar il-Ħabs Regina Cæli ta’ Ruma u f’isem Ġesù li ġie “mixħut il-ħabs, mgħajjar, iġġudikat u kkundannat”, talab lill-“awtoritajiet kompetenti” biex inaqqsu t-terminu tas-sentenzi u jagħtu l-opportunità lill-priġunieri jibdew ħajja ġdida meta jħallu l-ħabs.

Din it-talba tennieha mill-ġdid fl-14 ta’ Novembru 2002 lis-Senaturi u d-Deputati li ltaqa’ magħhom fil-Parlament Taljan.

Fuq il-passi tal-predeċessur tiegħu, il-Papa Franġisku wera attenzjoni speċjali għall-priġunieri f’diversi żjajjar appostoliċi tiegħu u f’ċirkustanzi oħra, b’mod partikulari fiċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka meta ħaslilhom riġlejhom.

Fl-Angelus tas-6 ta’ Novembru tal-Ġublew tal-Ħniena tal-2016, wara quddiesa fil-Bażilika ta’ San Pietru għall-priġunieri, Franġisku ħeġġeġ lill-gvernijiet biex jagħmlu “att ta’ klemenza”, u appella biex “jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-ħabsijiet mad-dinja kollha, biex id-dinjità umana tal-priġunieri tiġi rrispettata b’mod sħiħ”.

Irrifletta wkoll fuq “il-ħtieġa ta’ sistema ta’ ġustizzja kriminali li ma tkunx esklussivament punittiva, imma miftuħa għat-tama u l-possibbiltà li min għamel l-offiża jiġi intergrat mill-ġdid fis-soċjetà”.

Id-diversi żjajjar ta’ Franġisku lil ħabsijiet turi l-attenzjoni tiegħu għal dan il-suġġett, enfasizzata wkoll f’din l-istedina tiegħu lill-mexxejja tal-pajjiżi tad-dinja issa li qed joqrob il-Milied.

Sors: Newsbook.com.mt