Il-Papa Benedittu XVI ippresieda ċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, b’eluf ta’ pellegrini jieħdu sehem u jxejru friegħi tal-palm u taż-żebbuġ, kif inhi t-tradizzjoni. Mal-purċissjoni madwar Pjazza San Pietru li fiha ħadu sehem Kardinali, Isqfijiet u saċerdoti, il-Papa bierek il-palm u l-friegħi taż-żebbuġ, u waqt iċ-ċelebrazzjoni li fakkret ukoll il-Bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa, kulħadd assista għall-Passjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu, bi tliet djakni jirrakkuntaw il-ġrajja li mid-dħul trijonfali ta’ Kristu f’Ġerusalemm spiċċat fuq il-Golgota fejn Kristu spiċċa msallab.
Fl-omelija, il-Papa Benedittu XVI staqsa min hu għalina Ġesu ta’ Nazaret u x’idea għandna tal-Messija u ta’ Alla. Qal li hi mistoqsija kruċjali li wieħed ma jistax jevita, l-iktar meta matul din il-ġimgħa aħna lkoll msejħin nimxu wara s-Sultan tagħna li għażel is-salib bħala t-tron tiegħu. Qal li aħna lkoll imsejħin insegwu Messija li jwiegħdna mhux il-ferħ kif toffrih id-dinja, iżda ferħ divin. Qal li wieħed għandu jfittex li jistaqsi lilu nnifsu x’inhuma l-aspettattivi vera tiegħu. Fi kliemu, l-avveniment ta’ Ħadd il-Palm joffri stedina biex kull individwu jaddotta ħarsa f’waqtha lejn l-umanita, fuq il-popli kollha tad-dinja, fuq il-kulturi u ċ-ċivilizzazzjonijiet kollha.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika fakkar li sakemm il-Knisja kienet qed tiċċelebra Ħadd il-Palm, kienet ukoll qed tfakkar il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fuq livell djoċesan. Waqt l-omelija, il-Papa ma naqasx milli jirreferi għaż-żgħażagħ li awguralhom biex fid-deċiżjonijiet li jieħdu f’ħajjithom, jattwaw l-ispirtu ta’ Ħadd il-Palm u l-Ġimgħa Mqaddsa u jfittxu li jimxu wara Kristu tul il-jiem kollha ta’ ħajjithom. Qalilhom li jekk il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu jkunu l-punt t’iffukar għalihom, bid-deċiżjonijiet tagħhom jiksbu l-veru ferħ li jnissel paċi f’qalbhom.