Il-Papa Benedittu XVI fakkar il-Jum Dinji għall-Komunikazzjoni Soċjali. F’kummenti wara r-Regina Caeli qal li “fiċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji għall-Komunikazzjoni Soċjali, bit-tema ‘Is-Silenzju u l-Kelma: lejn l-Evanġelizzazzjoni’, is-silenzju hu parti integrali mill-komunikazzjoni, għandu post privileġġat fil-laqgħa personali mal-Kelma t’Alla. Nistieden lil kulħadd jitlob sabiex il-komunikazzjoni fil-forom kollha tagħha, dejjem isservi biex ikun stabbilit djalogu ġenwin mal-oħrajn, mibni fuq rispett reċiproku”.
It-tema tas-46 Jum Dinji għall-Komunikazzjoni Soċjali kienet imħabbra f’Jannar li għadda, nhar il-festa ta’ San Franġisk de Sales, li hu qaddis padrun tal-ġurnalisti.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Papa jippreżenta l-valur tas-silenzju, mhux biex jikkuntrasta l-informazzjoni kontinwa li tikkaratterizza s-soċjeta tal-lum, iżda biex ikun dik l-għodda essenzjali li tgħinna nifhmu u nilqgħu f’ħajjitna l-Kelma t’Alla.
F’riflessjoni dwar din it-tema, l-Arċisqof Claudio Celli, President għall-Kunsill Pontifiċju għall-Komunikazzjoni Soċjali, qal li minħabba li s-skiet jinkoraġixxi drawwa ta’ dixxerniment u riflessjoni, ikun importanti li aħna naħsbu f’termini ta’ kumplimentarjeta bejn is-skiet u l-kliem, li meta jkunu f’bilanċ, jarrikkixxu l-valur tal-komunikazzjoni u jagħmluha fattur ewlieni fis-servizz tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida.