Il-Papa Benedittu XVI esprima t-tama tiegħu li l-qima tal-liżar ta’ Turin timla bl-entużjażmu lil kull individwu biex ifittex wiċċ Kristu. Huwa qal dan fl-aħħar laqgħa pubblika tiegħu f’CastelGandolfo, fejn jinsab għal ftit jiem wara l-iskeda impenjattiva li kellu fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa.
Il-Liżar ta’ Turin, li dwaru hemm twemmin li hu l-liżar li ntuża għad-difna ta’ Ġesu Kristu, jinsab għall-wiri għall-ewwel darba sa minn 10 snin ilu. Fil-ftit ġimgħat li ġejjin, il-liżar mistenni jattira lejh maż-żewġ miljun viżitatur fil-belt ta’ Turin.
Il-liżar juri immaġini mitfija ta’ raġel bid-daqna bi tbajja tad-demm fl-idejn u s-saqajn. Testijiet li kienu saru fl-1988 kienu wrew li dan il-liżar imur lura għall-perjodu medjevali iżda dawn is-sejbiet qed ikunu kkontestati. Kien hemm xjenzati li appellaw lill-Vatikan biex isiru testijiet ġodda billi jintuzaw tekniki aktar moderni.
Dan il-Liżar se jkun għall-wiri għal sitt ġimgħat mizmum f’urna bullet-proof u li tikkontrolla l-klima. Il-Papa benedittu 16 mistenni li jżur Turin nhar it-tieni jum ta’ Mejju biex jitlob quddiem dan il-lizar.