Is-silenzju ma jfissirx nuqqas ta’ komunikazzjoni. Huwa pjuttost wiċċ ieħor tal-istess kelma, b’tifsira relatata mas-soċjalizzazzjoni, l-edukazzjoni u l-evanġelizzazzjoni. Dan hu dak li l-Papa Benedittu XVI japprofondixxi dwaru fil-messaġġ tiegħu għas-46 Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali, ippubblikat f’jum San Frangisk ta’ Sales, padrun tal-ġurnalisti. It-tema tal-messaġġ huwa “Silence and Word: Path of Evangelization” jew fi traduzzjoni litterali, “Is-Silenzju u l-Kelma: It-triq lejn l-Evanġelizzazzjoni”.
Il-messaġġ kien preżentat f’konferenza stampa indirizzata fl-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan mill-Arċisqof Claudio Celli, li huwa l-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Komunikazzjoni Soċjali, li kien akkumpanjat minn membri oħra fit-tmexxija ta’ dan id-dekasteru.
L-Arċisqof Celli spjega li “is-silenzju mhux nuqqas ta’ komunikazzjoni, imma pjuttost parti mill-messaġġi u mill-informazzjoni li tikkaratterizza l-kultura ġdida ta’ komunikazzjoni llum. Is-silenzju jista’ jesprimi qrubija lejn l-oħrajn u solidarjeta. Dan filwaqt li jkun mezz qawwi li permezz tiegħu tkun espressa l-imħabba, flimkien mar-rispett lejn l-oħrajn”.
Celli jkompli li “imġieba fis-skiet tirrinforza relazzjoni jeew rabta bejn tnejn min-nies, tagħti lok biex wieħed jisma iktar lil ħaddieħor, tagħti wkoll lok għar-riflessjoni u l-apprezzament”.
L-Arċisqof Celli temm jgħid li “il-kultura li qed ngħixu fiha llum, minflok, tħeġġeġ biex wieħed lanqas biss jisma lil ħaddieħor, anzi, minflok, jimponilu xi forma ta’ risposta. Is-silenzju min-naħa l-oħra hu fundamentali biex jattiva inter-relazzjoni li tgħin lill-individwu fit-tiftix tiegħu għall-verita”.