-
Waqt il-konferenza stampa abbord l-ajruplan lura mill-vjaġġ appostoliku ġewwa Fatima, il-Papa Franġisku ġie mistoqsi fuq diversi suġġetti, fosthom dwar il-proċess tal-każi tal-abbużi sesswali minn qassisin.
Il-Papa qal li sabiex jitħaffu l-każijiet, ħoloq tribunal ieħor u ddeċieda li jitmexxa mill-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna. Hawnhekk, il-Papa faħħar lill-Arċisqof Scicluna għal mod kif jimxi f’dawn il-każi, u ddeskrivieh bħala “wieħed mill-aktar persuni sodi kontra l-abbużi sesswali fil-Knisja.”
Fit-tribunal immexxi mill-Arċisqof Scicluna, l-individwu “li jkun għamel rikors għandu dritt għal avukat difensur. Jekk it-tribunal japprova l-ewwel sentenza, il-każ jispiċċa hemm. Jibqa’ biss li tinkiteb ittra, biex tintalab il-grazzja tal-Papa,” kompla jgħid il-Papa Franġisku.
Qabel u waqt il-papat ta’ Benedittu XVI, l-Arċisqof Scicluna kien il-kap-prosekutur tal-każijiet tal-abbużi sesswali li kienu jaslu għand il-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi.
Tul il-konferenza, il-ġurnalisti staqsewh ukoll fuq il-paċi bejn il-popli, l-ewwel laqgħa tiegħu mal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump u anke fuq id-dehriet f’Medjugorje.