Pope-Benedict-XVI

Fir-riflessjonijiet tiegħu li bħal kull ġimgħa jaħbtu mat-talba tal-Angelus, il-Papa Benedittu XVI irrefera għall-vanġelu li fih l-ispirtu ħażin jagħraf lil Ġesu bħala l-Qaddis ta’ Alla. Il-Papa jieħu wkoll l-okkażjoni li jfakkar fil-Jum Dinji ta’ dawk morda bil-lebbra. Ngħaqad ukoll fit-talb fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-interċessjoni għall-paċi fl-Art Imqaddsa u flimkien maż-żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika fl-Italja, ħeles żewġ ħamimiet bojod bħala sinjal ta’ paċi.

IS-SANTA SEDE U L-ORGANIZZAZZJONI PALESTINJANA GĦALL-ĦELSIEN JITLAQGĦU F’RAMALLAH

F’komunikat konġunt dwar din il-laqgħa f’Ramallah, intqal li fit-tkomplija tan-negozjati bilaterali, in-naħa Palestinjana għaddiet lid-delegazzjoni tas-Santa Sede r-reazzjoni għall-abbozz ta’ ftehim propost mis-Santa Sede. Intqal ukoll li l-laqgħa kienet waħda kordjali bil-għan li jissaħħu r-relazzjonijiet eżistenti bejn iż-żewġ naħat. Iż-żewġ delegazzjonijiet qablu li jaħtru grupp tekniku kull wieħed sabiex isegwi l-abbozz bi tħejjija għas-sessjoni plenarja fil-Vatikan iktar tard.

Imexxu d-delegazzjonijiet kienu Mons Ettore Balestrero, Sotto Segretarju għall-Kunsill Pontifiċju għar-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi differenti, u l-Ministru Ziad Al-Bandak, konsulent tal-President Palestinjan fil-qasam tar-relazzjonijiet Insara.