Fil-messaġġ tiegħu qabel it-talba tal-Angelus, il-Papa Benedittu XVI, tmint ijiem fuq is-solennita tal-Assunzjoni ta’ Marija, qal li l-liturġija tfakkar u tistieden lil kull wieħed u waħda minna għall-qima lejn il-Madonna “Sultana”. Omm Ġesu, iżid il-Papa kienet mogħtija importanza kbira għax kellha tkun omm Alla nnifsu.
Il-Papa jfakkar fil-kliem ta’ Ġesu nnifsu fil-vanġelu, “tal-aħħar jiġu l-ewwel u tal-ewwel jiġu l-aħħar” (Lq 13,30). Iżid li din hi espressjoni tipika ta’ Ġesu bl-ikbar u l-iktar eżempju perfett tat-tifsira ta’ din il-verita evanġelika tkun il-Madonna, xempju tal-umilta li Alla jgħollihom waqt li jbaxxi lill-kburin. Ikompli jgħid li l-iktar xbejba sempliċi f’Nażaret saret is-sultana tad-dinja. “Din ir-regalita ta’ Marija hi totalment relattiva għal dik ta’ Kristu”. Bħal ma jgħid San Pawl lill-Filippin “Huwa hu s-Sinjur, li wara l-umiljazzjoni tal-mewt fuq is-salib, il-Missier għollieh u għamlu fuq kull ħlejqa fis-sema, fl-art u taħt l-art”. Hekk l-Omm Immakulata kienet assoċjata mal-misteru tal-Iben, mal-Inkarnazzjoni tiegħu. Qal li “l-Madonna mhux biss qasmet mal-Iben l-aspetti umani ta’ dan il-misteru, imma bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu fiha, anki l-intenzjoni profonda, ir-rieda divina u l-eżistenza kollha tagħha.
Il-Papa temm jitlob lil Alla bl-interċessjoni ta’ Marija Sultana tad-dinja għall-paċi u l-imħabba fid-dinja.
Intant, il-Kap tal-Knisja Kattolika laqa’ grupp ta’ insara Ortodossi mill-Galilija waqt it-talba tal-Angelus u f’kelmtejn indirizzati lilhom fakkar fil-messaġġ tal-vanġelu tal-ġurnata li jindika li d-daħla għall-ġenna hi mill-bieb id-dejjaq. “Jalla li lkoll nagħżlu li nidħlu minn dan il-bieb permezz tat-talb, l-umilta u s-servizz lil xulxin u hekk ngħixu l-ferħ tas-Saltna ta’ dejjem minn issa”, temm il-Papa.