Qabel ir-reċita tal-Angelus, il-Papa Benedittu XVI ħa l-ħin tiegħu biex irrifletta fuq il-vanġelu tal-Ħadd bil-karatteristika ewlenija jkun id-diskors ta’ Ġesu fis-sinagoga ta’ Kafarnaum.
“Fil-vanġelu Ġesu jippreżenta lilu nnifsu bħala l-Ħobż Ħaj nieżel mis-sema. Jalla lkoll kemm aħna nixxenqu għar-rigal tal-preżenza tiegħu fis-sagrifiċċju tal-Ewkaristija, fejn Ġesu jagħtina lilu nnifsu f’ikel u xorb li jsostnuna fil-vjaġġ tagħna lejn Alla l-Missier”, qal il-Papa.
Benedittu XVI ddeskriva t-titlu li Ġesu sejjaħ lilu nnifsu bih, Ħobż tal-Ħajja, bħala mument kritiku u kruċjali fil-missjoni pubblika tiegħu. Ġesu jurina li hu kien mibgħut sabiex joffri l-istess ħajtu, b’dawk li jixtiequ jsegwu l-passi tiegħu mitluba jingħaqdu miegħu b’mod personali u profond fis-sagrifiċċju tal-imħabba.
Il-Kap tal-Knisja kompla li din hi r-raġuni għaliex Ġesu waqqaf is-Sagrament tal-Ewkaristija fl-Aħħar Ċena.
Kompla li l-ġemgħa, meta semgħet id-diskors ta’ Ġesu f’Kafarnaum, fehmet li Ġesu ma kienx Messija li fittex xi tron fuq din l-art. Ġesu kien qed jindika s-sagrifiċċju tas-Salib, li fih kien se jsir Ħobż imkisser għal kulħadd. Il-Papa esprima wkoll it-tama tiegħu li kulħadd isib x’jolqtu mid-diskors ta’ Ġesu, tant li kulħadd ifittex u jiskopri dejjem iżjed l-Ewkaristija.
Wara t-talba tal-Angelus, il-Papa bagħat it-tislijiet tiegħu lill-Patrijarka ta’ Moska, Kirill I, li jinsab il-Polonja bħala l-mistieden tal-Knisja Ortodossa. Hija attivita li tinkludi wkoll laqgħat mal-Isqfijiet Kattoliċi u anki dikjarazzjoni favur iżjed għaqda fraterna u kollaborazzjoni bejn il-Knejjes sabiex jixterdu dejjem iżjed il-valuri tal-vanġelu fid-dinja tal-lum, u dan fl-ispirtu ta’ fidi f’Ġesu Kristu.
Il-Papa Benedittu XVI temm jgħid li din hi “ġrajja importanti, li tkabbar it-tama għall-ġejjieni”.