Sport

“L-isport jista’ jkun kontribuzzjoni effettiva għall-fehim u l-paċi bejn il-popli, bil-għan li tkun stabbilita ċivilizzazzjoni ta’ mħabba”. Din hi frażi li l-ewwel darba li kienet pronunzjata kienet mill-Papa Ġwanni Pawlu II fis-sena 2000…Illum kienet imtennija mill-Papa Benedittu XVI f’mesaġġ li indirizza lil Mons Michael Miller, Arċisqof ta’ Vancouver li se tospita l-logħob olimpiku u paralimpiku li jmiss.

“Ħadt gost bl-aħbar li l-21 edizzjoni ta’ dan il-logħob tax-xitwa se ssir fl-Arċidjoċesi ta’ Vancoover u fid-djoċesi ta’ Kampoops bejn it-12 u t-28 ta’ Frar”, qal il-Papa waqt li enfasizza li din l-attivita hi importanti ħafna kemm għall-ispettaturi u anki għall-atleti.

Il-Papa estenda t-tislijiet tiegħu lill-Isqof David Monroe u “lill-atleti li se jieħdu sehem, l-organizzaturi u l-ħafna voluntiera li qed jikkoperaw fiċ-ċelebrazzjoni ta’ din l-attivita ta’ sinifikat internazzjonali”. Kompla li “l-isport dejjem jista’ jkun ta’ valur kbir fil-bini tal-paċi u l-ħbiberija bejn il-popli u l-pajjiżi differenti”.

Il-Papa esprima wkoll l-apprezzament tiegħu għall-inizjattiva ekumenika ‘More than Gold’, li għandha l-għan li tipprovdi assistenza materjali u spiritwali lill-viżitaturi, lill-parteċipanti u lill-voluntiera. Temm jesprimi t-tama li kulħadd jutilizza u jibbenefika minn din l-inizjattiva fejn tkun tispikka l-imħabba t’Allau tal-aħwa.