Pope on Maundy Thursday

Il-Papa Benedittu XVI qal li fil-lejl imdallam tal-Għolja taż-Żebbuġ, “Ġesu rrisolva l-oppożizzjoni falza bejn l-ubbidjenza u l-liberta u fetaħ it-triq għall-ħelsien”. Matul il-funzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka, fit-tifkira tal-Aħħar Ikla li Ġesu għamel mad-dixxipli tiegħu, il-Papa qal li “naħsbu li aħna ħielsa u tassew aħna jekk insegwu r-rieda tagħna. Alla jkun jidher li hu  kontra din ir-rieda tagħna – gidba fundamentali”.

Fil-Katidral ta’ San Ġwann Lateran, il-Papa ħa s-sedja tiegħu ta’ Isqof ta’ Ruma u immarka tmiem ir-Randan waqt li nieda t-tridu mqaddes bil-funzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka u l-Vespri, li jwassal għall-Għid il-Kbir.

Fl-omelija l-Papa fakkar li l-funzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka mhix biss it-tifkira tal-Aħħar Ċena ta’ Kristu, iżda wkoll tal-lejl imdallam fuq l-Għolja taż-Żebbuġ.Jgħid li hu f’dal-lejl li Kristu jitlob qabel jiffaċċja d-dlamijiet tal-mewt. Il-lejl, ikompli l-Papa, jissimbolizza in-nuqqas ta’ komunikazzjoni, sitwazzjoni fejn in-nies ma jiltaqgħux, simbolu ta’ nuqqas ta’ fehim u verita mtappna, fejn il-ħażen ikollu ċans jerfa rasu. “Kristu jidħol għal-lejl biex jirbħu”.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika jirrifletti fuq it-talb ta’ Ġesu fil-Ġnien taż-Żebbuġ u jgħid li minn dan kollu għandna lkoll nitgħallmu kif nafdaw f’Alla kollu tjubija u qawwa. Iżid kif fl-umilta, in-nisrani jidħol mill-ewwel fl-ispirtu ta’ talb fuq il-passi ta’ Ġesu.

IL-PAPA: IS-SAĊERDOT HU GĦALL-QADI TAL-OĦRAJN

Intant, il-Ħamis filgħodu, fil-Bażilika San Pietru, il-Papa ppresieda ċ-ċelebrazzjoni ewkaristika li matulha jsir it-tberik taż-żjut u li fl-omelija indirizza lis-saċerdoti li fil-jum ta’ Ħamis ix-Xirka ifakkru t-twaqqif tas-saċerdozju. Preżenti għaċ-ċelebrazzjoni kien hemm mal-1,600 saċerdot sabiex jisimgħu u jixtarru l-messaġġ tal-Papa u jġeddu l-wegħdiet saċerdotali tagħhom. Meta rrefera għas-sitwazzjoni drammatika fi ħdan il-Knisja llum, il-Papa rreaġixxa fil-pront għas-sejħa ta’ grupp ta’ saċerdoti fl-Awstrija li appellaw għal tibdil fit-taglim tal-Knisja dwar is-saċerdoti nisa u aspetti oħra tradizzjonali tal-Maġisteru tal-Knisja. B’referenza għall-kliem tal-predeċessur tiegħu Papa Ġwanni Pawlu II, Benedittu XVI qal li l-Knisja m’għandha ebda awtorita minn Kristu biex tordna saċerdoti nisa u staqsa jekk id-diżubbidjenza hix it-triq għat-tiġdid fi ħdan il-Knisja.

Il-Papa fakkar fl-irwol tas-saċerdoti li jgħallmu l-fidi lis-soċjeta li qal li kull ma jmur qed tikber fl-illitteriżmu tagħha fi kwistjonijiet ta’ pedamenti bażiċi fil-fidi. Qalilhom li sakemm jagħtu kas u jindirizzaw il-ħtiġijiet fiżiċi tal-morda, ta’ dawk bil-ġuħ, ta’ dawk bla dar u tal-persuna umana kollha kemm hi, huma għandhom ukoll jindirizzaw il-ħtiġijiet tar-ruħ.