Is-Sinodu jservi biex ifakkarna li “Ommna l-Knisja dejjem għandha bżonn tiġi ppurifikata”, qal il-Papa Franġisku dalgħodu fi Pjazza San Pietru waqt l-omelija tal-quddiesa tal-ftuħ tas-16-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

Huwa stieden lill-fidili biex jaqbdu “biss l-armi tal-Vanġelu: umiltà u għaqda, talb u karità”, fuq il-passi ta’ San Franġisk, il-qaddis tal-lum. Fakkar fis-sejħa ta’ Ġesù mill-Kurċifiss ta’ San Damjan lill-Fqajjar ta’ Assisi fuq 800 sena ilu: “Mur u sewwi l-Knisja tiegħi”.

Il-quddiesa ta’ dalgħodu b’serbut twil ta’ isqfijiet li ħa jkunu fost il-‘padri sinodali’ bdiet b’verżjoni moderna tal-innu tradizzjonali u antik Laudes Regiæ, li jitlob il-ħarsien u l-barka ta’ Alla fuq il-Knisja, fuq il-Papa Franġisku u l-Isqfijiet, fuq il-merħla fdata lilu, u fuq il-mexxejja ċivili u l-bnedmin kollha. Dritt wara, il-Litanija tal-Qaddisin.

Fl-omelija, il-Papa fakkar f’“mument iebes” fil-ministeru ta’ Ġesù fuq din l-art, li jirrakkonta l-Vanġelu (Mt 11:25-30). “Fil-mument tad-deżolazzjoni”, qal il-Papa, “Ġesù għandu ħarsa li kapaċi tara lil hemm: hu jfaħħar l-għerf tal-Missier u kapaċi jagħraf it-tajjeb li jikber bla ma jidher, iż-żerriegħa tal-Kelma milqugħa minn min hu sempliċi, id-dawl tas-Saltna ta’ Alla li juri t-triq imqar billejl”.

Fil-bidu tal-Assemblea Ġenerali, il-Papa qal: “Aħna għandna bżonn ta’ ħarsa li mhix purament naturali, magħmula minn strateġiji umani, kalkoli politiċi, jew battalji ideoloġiċi”. Minflok, “aħna ninsabu hawn biex nimxu id f’id mal-ħarsa ta’ Ġesù, li jbierek lill-Missier u jilqa’ lil dawk li huma mħabbtin u mtaqqlin”.

Għalkemm iħabbat wiċċu ma’ dawk li ma jaċċettawhx, Ġesù “ma jingħalaqx fid-diżappunt tiegħu”, imma jħares lejn il-Missier, u jibqa’ “seren imqar fil-maltemp”, qal il-Papa.

Huwa fisser li Ġesù jistedinna biex inkunu Knisja li tikkontempla l-azzjoni ta’ Alla u tiddixxerni l-preżent: “Knisja li l-isfidi u l-problemi tal-lum ma taffaċċjahomx bi spirtu diviżiv u kontroversjali, imma bil-maqlub, iddawwar ħarsitha lejn Alla li hu komunjoni u, b’sens ta’ stagħġib u umiltà, tbierku u tqimu, għax tagħraf fih il-Mulej waħdieni”.

Franġisku kkwota lill-predeċessur tiegħu Benedittu XVI xħin qal li “l-mistoqsija fundamentali” li għandu quddiemu s-Sinodu hi “kif nistgħu nikkomunikaw ir-realtà” li Alla tkellem “lin-nies tal-lum, biex issir salvazzjoni”.

Il-Papa kompla jgħid kif Ġesù tul ħajtu ħa fuqu l-ħarsa ta’ Alla l-Missier li tilqa’ “lil dawk li huma l-aktar dgħajfa, qed ibatu, u huma mwarrba”. 

“Din il-ħarsa ta’ Ġesù li tilqa’, tistedinna wkoll biex inkunu Knisja li tilqa’” u ssejħilna għal attitudni interna li biha nistgħu “niltaqgħu ma’ xulxin bla biża’”, qal il-Papa.

“Fi djalogu sinodali, f’dan il-‘vjaġġ sabiħ fl-Ispirtu s-Santu’ li qed nagħmlu flimkien mal-Poplu ta’ Alla”, kompla l-Papa Franġisku, “nistgħu nikbru fl-għaqda u l-ħbiberija mal-Mulej biex nistgħu nħarsu bil-ħarsa tiegħu lejn l-isfidi tal-lum”.

Il-Papa għalaq l-omelija billi għamel stedina mill-ġdid li s-Sinodu “ma jkunx laqgħa politika, imma miġemgħa fl-Ispirtu; mhux parlament ippolarizzat, imma post ta’ grazzja u komunjoni”.

“L-Ispirtu s-Santu”, temm jgħid, “spiss ixejjen l-aspettattivi tagħna biex joħloq xi ħaġa ġdida li tissupera t-tbassir u n-negattività tagħna”. U hekk, “ejjew ninfteħu għalih, il-protagonista, l-Ispirtu s-Santu. U nimxu miegħu, b’fiduċja u ferħ”.

Il-ħidma tal-Assemblea Sinodali tibda mil-lum stess, fejn iktar tard wara nofsinhar tiftaħ l-ewwel sessjoni u jiġi ppreżentat ukoll l-Instrumentum Laboris. Għal-laqgħat il-kbar għall-ewwel darba f’Sinodu mistennija tintuża l-Awla Pawlu VI, li fiha jsiru l-udjenzi tal-Erbgħa, minħabba l-ammont ikbar ta’ parteċipanti anki lajċi. Fil-fatt, se jkunu qed jieħdu sehem kważi erba’ mitt votant mill-Knejjes kollha, fosthom l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna.

L-Arċisqof Charles Scicluna, bħala President tal-Konferenza Episkopali Maltija, huwa wieħed mill-parteċipanti ta’ dan is-sinodu, flimkien ma 464 persuna oħra, li jinkludu kardinali, isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u lajċi.

Sors: Newsbook Malta