Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum hu jagħti l-addio lid-dixxipli tiegħu waqt l-Aħħar Ikla, Ġesù jgħid, qisu xi forma ta’ testment: “Inħallilkom is-sliem”. U minnufih iżid: “Intikom is-sliem tiegħi” (Ġw 14:27). Nieqfu fuq dawn iż-żewġ sentenzi qosra.

Qabel xejn intikom is-sliem tiegħi. Ġesù jsellem bi kliem li jesprimu għożża u serenità, imma dan jagħmlu f’waqt li hu kollox minbarra seren. Ġuda ħareġ biex imur jittradih, Pietru se jiċħdu, u kważi lkoll se jabbandunawh: il-Mulej jafu dan, madankollu ma jċanfarx, ma jużax kliem qawwi, ma jagħmilx diskorsi ibsin. Minflok juri ansjetà jibqa’ ġentili sal-aħħar. Qawl jgħid li ‘bniedem imut kif għex’. L-aħħar sigħat ta’ Ġesù fil-fatt jiġbru fihom l-essenza ta’ ħajtu kollha. Qed iħoss biża’ u wġigħ, imma ma jagħtix lok għall-mibegħda u l-protesta. Ma jinħakimx mill-imrar, ma jiżvugax, mhux intolleranti.  Jinsab fil-paċi, paċi ġejja minn qalbu mansweta, li fiha tgħammar il-fiduċja. U minn hawn tgelgel il-paċi li jħallilna Ġesù. Għax lill-oħrajn ma tista’ qatt tħallilhom il-paċi jekk qabel ma tinsabx fik. Il-paċi ma tistax tingħata jekk il-bniedem ma jkux fil-paċi.

Inħallilkom is-sliem. Ġesù juri li l-manswetudni hi possibbli. Hu inkarnaha propju fil-waqt l-aktar diffiċli; u jixtieq li aħna wkoll inġibu ruħna l-istess, aħna werrieta tal-paċi tiegħu. Iridna nkunu mansweti, miftuħin, disponibbli biex nisimgħu, bil-ħila li ma nħallux il-kunflitti jisplodu, li ninsġu l-armonija. Din hi x-xhieda li nagħtu ta’ Ġesù u tiswa aktar minn elf kelma jew ħafna prietki. Ix-xhieda tal-paċi, insaqsu lilna nfusna, fil-postijiet fejn ngħixu aħna, dixxipli ta’ Ġesù, inġibu ruħna hekk: irraqqdu t-tensjonijiet, nitfu l-kunflitti? Aħna difirna miksur ma’ xi ħadd, dejjem lesti biex nirreaġixxu, nisplodu, jew nafu nwieġbu bin-non-vjolenza, nafu nwieġbu b’ġesti u kliem ta’ paċi? Kulħadd isaqsi lilu nnifsu.

Ċertament dil-manswetudni mhix faċli: kemm insibuha bi tqila, f’kull livell, biex ninnewtralizzaw il-kunflitti! Hawnhekk hi ta’ għajnuna t-tieni sentenza ta’ Ġesù: intikom is-sliem tiegħi. Ġesù jaf li waħedna qatt m’għandna ħila nħarsu l-paċi, li għandna bżonn l-għajnuna, don. Il-paċi, li hi impenn tagħna, qabel kollox hi don ta’ Alla. Infatti Ġesù jgħid: “Intikom is-sliem tiegħi. Ma nagħtihulkomx kif ittihulkom id-dinja” (v. 27) X’inhi dil-paċi li d-dinja ma tafhiex, li jirregalalna l-Mulej? Dil-paċi hi l-Ispirtu ta’ Ġesù. Hi l-preżenza t’Alla fina, hi “l-qawwa tal-paċi” ta’ Alla. Hija Hu, l-Ispirtu s-Santu, li jrattab il-qalb u jimlieha bl-hena.  Hija Hu, l-Ispirtu s-Santu li jħoll l-ebusija u jitfi t-tentazzjoni li nattakkaw lill-oħrajn. Hija Hu, l-Ispirtu s-Santu li jfakkarna li ħdejna hemm ħutna mhux ostakli jew għedewwa. Hija Hu, l-Ispirtu s-Santu, li jtina l-qawwa li naħfru, li nerġgħu nibdew, li nerġgħu nitilqu, għax bil-ħiliet tagħna biss ma naslux. U hu bih, bl-Ispirtu s-Santu, li nsiru rġiel u nisa ta’ paċi.

Għeżież ħuti, ebda dnub, ebda falliment, ebda rankur m’għandu jaqtgħalna qalbna biex nibqgħu nitolbu b’insistenza d-don tal-Ispirtu s-Santu sabiex jtina l-paċi. Aktar ma nħossu qalbna mħawda, aktar ma nħossuna nervużi, insofferenti, irrabjati, aktar għandna nitolbu mingħand il-Mulej l-Ispirtu tal-paċi. Nitgħallmu ngħidu ta’ kuljum: “Mulej, tini l-paċi tiegħek, tini l-Ispirtu s-Santu”. Talba sabiħa. Ngħiduha flimkien? “Mulej, tini l-paċi tiegħek, tini l-Ispirtu s-Santu”. Ma smajtkomx sew, darb’oħra: “Mulej, tini l-paċi tiegħek, tini l-Ispirtu s-Santu”. U nitolbu wkoll għal min jgħix qrib tagħna, għal min niltaqgħu miegħu ta’ kuljum, għal min hu responsabbli fost in-nazzjonijiet.

Il-Madonna tgħinna nilqgħu l-Ispirtu s-Santu biex inkunu operaturi tal-paċi.


Wara r-Regina Caeli

Għeżież ħuti!

Illum waranofsinhar, f’Lione, se tkun beatifikata Paolina Maria Jaricot, fundatriċi tal-Opra tal-Propagazzjoni tal-Fidi, biex tkun ta’ għajnuna għall-missjonijiet. Din il-fidila lajka, li għexet fl-ewwel nofs tas-seklu 19, kienet mara kuraġġuża, attenta għat-tibdil taż-żmien u kellha viżjoni universali ta’ x’inhi l-missjoni tal-Knisja. Jalla l-eżempju tagħha jqanqal fina lkoll ix-xewqa li nkunu sehem, bit-talb u l-karità, fit-tixrid tal-Evanġelju fid-dinja. Applaws lill-Beata l-ġdida!

Illum tibda l-Ġimgħa Laudato si’, biex nisimgħu dejjem aktar il-karba tad-Dinja li tixprunana ħalli flimkien naħdmu biex nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna. Irrodd ħajr lid-Dikasteru għas-Servizz tal-Iżvilupp Uman Integrali u lill-bosta organizzazzjonijiet magħqudin miegħu, u nistieden lil kulħadd jagħti sehmu.

Nhar it-Tlieta li ġej issir it-tifkira tal-Beata Verġni Marija Għajnuna tal-Insara, tant għażiża għall-kattoliċi taċ-Ċina, li jqimu lill-Awżiljatriċi bħala l-Patruna tagħhom, fis-Santwarju ta’ Sheshan, f’Shanghai, f’għadd kbir ta’ knejjes madwar il-pajjiż u fi djarhom.

Diċ-ċirkostanza sabiħa ttini l-okkażjoni biex intennilhom u niżgurahom li jien qribhom spiritwalment; qed insegwi b’attenzjoni u parteċipazzjoni l-ħajja u l-ġrajjiet tal-fidili u r-ragħajja, spiss ikkumplikati, u nitlob għalihom kuljum. Nistedinkom tingħaqdu miegħi f’din it-talba sabiex il-Knisja fiċ-Ċina, bil-libertà u l-kalma, tkun tista’ tibda tgħix f’komunjoni effettiva mal-Knisja universali u teżerċita l-missjoni tagħha ta’ tħabbir tal-Evanġelju lil kulħadd, u tagħti hi wkoll sehem pożittiv lejn il-progress spiritwali u materjali tas-soċjetà.

U nsellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini mill-Italja u minn tant pajjiżi. Insellem b’mod partikolari lill-fidili minn Spanja, mill-Portugall, minn Franza, mill-Belġju, mill-Polonja u minn Puerto Rico; lis-saċerdoti mill-Ekwador; lill-komunità Emmaus minn Foggia; lill-voluntiera tas-Soccorso di Saint-Pierre (Aosta), lill-istudenti minn Verona u lill-adolexxenti minn Sombreno, fid-djoċesi ta’ Bergamo.

Insellem lil kull min ħa sehem hawn f’Ruma, fil-manifestazzjoni nazzjonali “Nagħżlu l-Ħajja”.  Irroddilkom ħajr għall-impenn tagħkom favur il-ħajja u biex tiddefendu l-objezzjoni tal-kuxjenza, li spiss hemm it-tentazzjoni li tkun imxekkla. Sfortunatament, dawn l-aħħar snin kien hemm bidla fil-mentalità komuni u llum dejjem aktar immilu lejn l-idea li l-ħajja hi oġġett li nużawh kif jidhrilna, li nwelldu jew noqtlu kif jidhrilna, qisu li t-tmiem hu esklussivament għażla personali. Niftakru li l-ħajja hi don ta’ Alla! Hi dejjem sagra u inaljenabbli, u m’għandniex insikktu l-leħen tal-kuxjenza.

Il-Ħadd it-tajjeb lilkom ikoll! Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: laikos.org