Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum fl-Italja u f’ħafna pajjiżi qed ikun ċelebrat it-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej, jiġifieri meta reġa’ lura għand il-Missier. Fil-Liturġija, l-Evanġelju skont Luqa jtina r-rakkont tal-aħħar dehra tal-Irxoxt lid-dixxipli (ara 24:46-53). Il-ħajja ta’ Ġesù fuq din l-art tilħaq il-quċċata tagħha propju bit-tlugħ fis-sema, kif nistqarru wkoll fil-Kredu: “Tela’ s-sema u qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tal-Missier”. Xi tfisser dil-ġrajja? Kif nistgħu ninterpretawha? Biex inwieġbu għal dil-mistoqsija nieqfu fuq żewġ azzjonijiet li jagħmel Ġesù qabel ma jitla’ lura lejn is-sema: qabel kollox Hu jħabbar l-għotja tal-Ispirtu imbagħad ibieriek id-dixxipli. Iħabbar id-don tal-Ispirtu u jbierek.

L-ewwel ħaġa li Ġesù jgħid lil ħbiebu: “Jien nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed missieri” (v. 49).  Qed jitkellem dwar l-Ispirtu s-Santu, il-farraġ, dwar dak li kien se jibqa’ magħhom, imexxihom, iweżinhom fil-missjoni, jiddefendihom fil-battalji spiritwali. Għalhekk hawn nifhmu xi ħaġa importanti: Ġesù mhux qed jabbanduna lid-dixxipli. Jitla’ s-sema iżda ma jħalliniex waħedna. Anzi, propju għax tela’ ħdejn il-Missier jiżgurana li se jsawwab fuqna lill-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu tiegħu. F’okkażjoni oħra kien qal: “Jaqblilkom jekk immur, għax jekk ma mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom” (Ġw 16:7), jiġifieri l-Ispirtu. F’dan ukoll tidher l-imħabba ta’ Ġesù għalina: il-preżenza tiegħu ma tridx ixxekkel il-libertà tagħna. Bil-maqlub, tagħmlilna l-wisa’, għax il-vera mħabba dejjem tiġġenera qrubija li ma tgħakkisx, mhix possessiva, hi qrib imma mhux possessiva; anzi, il-vera mħabba tagħmilna protagonisti.  Hekk, Kristu jaċċertana: “Sejjer għand il-Missier u intom tintlibsu bil-qawwa mill-għoli: nibagħtilkom l-Ispirtu tiegħi u bil-qawwa tiegħu tkomplu l-opra tiegħi fid-dinja! Għalhekk, bit-tlugħ tiegħu fis-sema, minflok baqa’ mal-ftit bil-ġisem, ikun qrib kulħadd permezz tal-Ispirtu tiegħu. Ġesù jibqa’ preżenti fina permezz tal-Ispirtu s-Santu, lil hinn mill-barrieri taż-żmien u tal-ispazju, biex jagħmilna xhieda tiegħu fid-dinja.

Minnufih – hi t-tieni azzjoni – Kristu jerfa’ jdejh u jbierek lill-appostli (cfr v. 50). Hu ġest saċerdotali. Sa minn żmien Aronne Alla ħalla f’idejn is-saċerdoti l-inkarigu li jbierku lill-poplu (ara Num 6:26). L-Evanġelju jrid jgħidilna li Ġesù hu s-saċerdot il-kbir ta’ ħajjitna. Ġesù jitla’ għand il-Missier biex jinterċedi għalina, biex jippreżentalu l-umanità tagħna. Hekk, quddiem għajnejn il-Missier hemm, u għad jibqa’ jkun hemm dejjem, permezz tal-umanità ta’ Ġesù, il-ħajjiet tagħna, it-tamiet tagħna, il-ġrieħi tagħna. Għalhekk, filwaqt li qed ‘jitlaq’ lejn is-Sema, Kristu “jiftħilna t-triq”, imur iħejjilna post u, minn issa, jinterċedi għalina, sabiex Alla dejjem jibqa’ magħna u jberikna.

Ħuti, ejjew niftakru llum fid-don tal-Ispirtu li rċevejna mingħand Ġesù biex inkunu xhieda tal-Evanġelju. Nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex hekk tassew; u wkoll jekk għandniex ħila nħobbu lill-oħrajn billi nħalluhom liberi u nagħmlulhom il-wisa’. Imbagħad: nafu nagħmluha ta’ interċessuri għall-oħrajn, jiġifieri nafu nitolbu għalihom u nberkulhom ħajjithom? Jew ninqdew bl-oħrajn għall-interessi tagħna? Nitgħallmuha din: it-talb ta’ interċessjoni, ninterċedu għat-tamiet u t-tbatijiet tad-dinja, ninterċedu għall-paċi. U b’ħarsitna u kliemna nbierku lil kull min niltaqgħu miegħu kuljum!

Issa nitolbu lill-Madonna, l-imbierka fost in-nisa, li, mimlija bl-Ispirtu s-Santu, dejjem titlob u tinterċedi għalina.


Wara r-Regina Caeli

Ilbieraħ f’Modena kien beatifikat Don Luigi Lenzini, martri tal-fidi, li nqatel fl-1945 għax kien ħati li juri l-valuri Nsara bħala t-triq ewlenija tal-ħajja, fi klima ta’ mibegħda u ta’ kunflitt ta’ dak iż-żmien. Jalla dan is-saċerdot, ragħaj skont il-qalb ta’ Kristu u messaġġier tal-verità u tal-ġustizzja, mis-sema jgħinna biex inkunu xhieda tal-Evanġelju bil-karità u l-onestà! Applaws lill-Beatu l-ġdid!

Illum hu l-Jum Dinji tal-Komunikazzjonijiet Soċjali, bit-tema “nisimgħu bil-widna ta’ qalbna”.  Li nagħrfu nisimgħu, minbarra li hu l-ewwel ġest ta’ karità, hu wkoll l-ewwel ingredjent indispensabbli għad-djalogu u l-komunikazzjoni xierqa. Li nkunu nafu nisimgħu, li nħallu lill-oħrajn jgħidu tagħhom kollu, bla ma naqtgħulhom kliemhom, nagħrfu nisimgħu b’widnejna u b’qalbna. Nawgura li f’kulħadd tissaħħaħ dil-ħila li jisma’ b’qalbu.

Illum, fl-Italja hu l-Jum Nazzjonali tas-Solliev. Niftakru li “l-marid dejjem hu aktar importanti mill-marda tiegħu” u anki meta l-fejqan ma jkunx possibbli, il-kura dejjem hi possibbli, dejjem possibbli l-faraġ, dejjem possibbli l-qrubija (Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Morda, 2022).

Pitgħada, l-aħħar jum tax-xahar ta’ Mejju, festa liturġika taż-Żjara ta’ Marija Santissma, fis-6pm, fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, se nirreċitaw ir-Rużarju għall-paċi, b’kollegament ma’ bosta santwarji f’ħafna pajjiżi. Nistieden lill-fidili, lill-familji u l-komunitajiet biex jingħaqdu ma’ din l-invokazzjoni sabiex bl-interċessjoni tar-Reġina tal-Paċi, niksbu mingħand Alla d-don li qed tistenna d-dinja.

Li nagħrfu nisimgħu, minbarra li hu l-ewwel ġest ta’ karità, hu wkoll l-ewwel ingredjent indispensabbli għad-djalogu u l-komunikazzjoni xierqa

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini.  Insellem partikolarment lill-fidili ġejjin mill-Olanda, minn Spanja u mill-Awstralja. Insellem lill-parroċċa San Roberto Bellarmino, f’Ruma, li qed ittemm is-sena ġubilari fl-okkażjoni tal-400 sena mill-mewt ta’ San Robero Bellarmino.  Insellem lill-Pollakki – dejjem hawn ħafna Pollakki! – b’barka lil kull min fil-patrija qed jieħu sehem fil-pellegrinaġġ lejn is-Santwarju ta’ Piekary Śląskie. Insellem lill-istudenti tal-iskola San Vincenzo di Olbia u lill-adolexxenti tal-griżma minn Luras.

It-Tnejn u t-Tlieta 29 u 30 ta’ Awwissu se jitlaqqgħu l-kardinali kollha bex jirriflettu fuq il-Kostituzzjoni appostolika l-ġdida Predicate Evangelium; u s-Sibt 27 ta’ Awwissu se nlaqqa’ Konċistorju biex noħloq Kardinali ġodda. Dawn huma l-ismijiet tal-Kardinali l-ġodda:

  1. L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Arthur Roche – Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti
  2. L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Lazzaro You Heung-sik – Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kleru
  3. L-Eċċellenza Tiegħu. Mons. Fernando Vérgez Alzaga L.C. – President tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-istat tal-Belt tal-Vatikan u President tal-Governatorat tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan
  4. L-Eċċellenza Tiegħu. Mons. Jean-Marc Aveline – Arċisqof Metropolita ta’ Marsilja (Franza)
  5. L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Peter Ebere Okpaleke – Isqof ta’ Ekwulobia (in-Niġerja)
  6. L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Leonardo Ulrich Steiner, O.F.M. – Arċisqof Metropolita ta’ Manaus (il-Brażil)
  7. L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Filipe Neri António Sebastião do Rosário Ferrão – Arċisqof ta’ Goa u Damão (l-Indja).
  8. L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Robert Walter McElroy – Isqof ta’  San Diego (l-Istati Uniti)
  9. L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Virgilio Do Carmo Da Silva, S.D.B. – Arċisqof ta’ Dili (Timor Orjentali).
  10. L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Oscar Cantoni – Isqof ta’ Como (l-Italja).
  11. L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Anthony Poola – Arċisqof ta’  Hyderabad (l-Indja).
  12. L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Paulo Cezar Costa – Arċisqof Metropolita tal-Arċidjoċesi ta’ Brasília (il-Brażil).
  13. L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Richard Kuuia Baawobr M. Afr. – Isqof ta’ Wa (il-Ghana).
  14. L-Eċċellenza Tiegħu Mons. William Goh Seng Chye Gho – Arċisqof ta’ Singapor (Singapor).
  15. L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Adalberto Martínez Flores – Arċisqof ta’ Asunción (il-Paragwaj).
  16. L-Eċċellenza Tiegħu. Mons. Giorgio Marengo, I.M.C. – Prefett Appostoliku ta’ Ulaanbaatar (il-Mongolja).

Flimkien magħhom se nsieħeb mal-Kulleġġ tal-Kardinali lil:

  1. L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Jorge Enrique Jiménez Carvajal – Arċisqof Emeritu ta’ Cartagena (il-Kolumbja)
  2. L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Lucas Van Looy S.D.B. – Arċisqof Emeritu ta’ Gent (il-Belġju)
  3. L-Eċċellenza Tiegħu. Mons. Arrigo Miglio – Arċisqof Emeritu ta’ Cagliari (l-Italja)
  4. Ir-Rev. Patri Gianfranco Ghirlanda SJ – Professur tat-Teoloġija
  5. Ir-Rev. Mons. Fortunato Frezza – Kanonku ta’ San Pietru

Nitolbu għall-kardinali l-ġodda sabiex huma u jikkonfermaw ir-rabta tagħhom ma’ Kristu jgħinuni fil-ministeru tiegħi ta’ Isqof ta’ Ruma għall-ġid tal-Poplu Qaddis kollu ta’ Alla.

Nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb! Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: laikos.org