Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Illum, it-tieni Ħadd tal-Għid, li San Ġwanni Pawlu II ddedikah lill-Ħniena Divina, l-Evanġelju (cfr Ġw 20,19-31) jgħidilna li bit-twemmin tagħna f’Ġesù, Iben Alla, f’ismu, ikollna l-ħajja ta’ dejjem (v, 31). Xi jfisser “ikollna l-ħajja?
Ilkoll kemm aħna nixtiequ l-ħajja, imma hemm modi differenti kif infassluha. Per eżempju, hemm min l-eżistenza jirriduċieha f’ġirja bla rażan biex igawdi u biex ikollu ħafna affarijiet: jiekol u jixrob tajjeb, jiddeverti, iġemma l-flus u ħwejjeġ oħra, iġarrab emozzjonijiet qawwija u ġodda, u aktar. Hi triq li mad-daqqa t’għajn tidher pjaċevoli, iżda qatt ma tissodisfa l-qalb. Din mhix ħajja, għax m’hemmx hena fit-triq tal-pjaċiri u tas-setgħa. Infatti, bosta aspetti tal-eżistenza, bħal ngħidu aħna, l-imħabba, l-esperjenzi inevitabbli tan-niket, tal-limitazzjonijiet u tal-mewt, jibqgħu bla tweġiba. Imbagħad, il-ħolma ta’ kulħadd tibqa’ bla temma: it-tama ta’ ħajja bla tmiem, li nkunu maħbubin bla tarf. L-Evanġelju tal-lum jgħidilna li din il-milja tal-ħajja, li lkoll kemm aħna msejħin għaliha, titwettaq biss f’Ġesù”. Huwa Hu li jagħtina l-milja tal-ħajja. Imma kif jista’ jkollna aċċess għaliha? Kif nistgħu nesperjenzawha?
Inħarsu lejn dak li ġralhom id-dixxipli fl-Evanġelju. Huma għaddejjin minn waqt l-aktar traġiku tal-ħajja: wara l-jiem tal-passjoni jinsabu magħluqin fiċ-Ċenaklu, imbeżżgħin u bla kuraġġ. L-Irxoxt jiltaqa’ magħhom u l-ewwel ma jagħmel, jurihom il-pjagi (cfr v. 20): kienu l-marki tas-sofferenza u tat-tbatija, setgħu qanqlu sens ta’ ħtija, iżda ma’ Ġesù jsiru kanali tal-ħniena u ta’ maħfra. Hekk, id-dixxipli jaraw u jmissu b’idejhom li ma’ Ġesù tirbaħ il-ħajja, dejjem, il-mewt u d-dnub huma telliefa. U jirċievu d-don tal-Ispirtu li jagħtihom ħajja ġdida, bħala wlied maħbuba, magħġuna bil-ferħ, bl-imħabba u t-tama. Insaqsikom ħaġa: intom għandkom tama? Kulħadd isaqsi lilu nnifsu: kif inhi t-tama tiegħi?
Dan irridu nagħmlu ta’ kuljum biex “ikollna l-ħajja”: biżżejjed inwaħħlu ħarsitna fuq Ġesù msallab u rxuxtat, niltaqgħu miegħu fis-Sagramenti u fit-talb, nagħrfu li hu preżenti, nemmnu fih, inħallu l-grazzja tiegħu tmissna u tmexxina fuq l-eżempju tiegħu, inġarrbu l-ferħ li nħobbu bħalma ħabb Hu. Kull laqgħa ma’ Ġesù, kull laqgħa ħajja miegħu, isseddqilna ħajjitna, tagħtina aktar ħajja. Infittxu lil Ġesù, inħalluh jiltaqa’ magħna – għax Hu jfittixna! – niftħu qlubna għal-laqgħa ma’ Ġesù.
Però, nistaqsu lilna nfusna: jien nemmen fil-qawwa tal-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù, nemmen li Ġesù rxoxta? Nemmen fir-rebħa tiegħu fuq id-dnub, fuq il-biża’ u fuq il-mewt? Ninvolvi ruħi fir-relazzjoni tiegħi mal-Mulej, ma’ Ġesù? U nħallih jixprunani biex inħobb lill-aħwa u nemmen kull jum li jgħaddi? Kulħadd jaħseb f’dan.
Marija tgħinna biex ikollna fidi dejjem isħaħ f’Ġesù mqajjem mill-mewt sabiex “ikollna l-ħajja” u nxerrdu l-ferħ tal-Għid.
Sors: laikos.org