Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-lum (cfr Mt 5,17-37) hu mislut ‘mid-diskors tal-muntanja”. Jittratta l-argument tal-ħarsien tal-Liġi: kif għandi nobdi l-Liġi, x’għandi nagħmel. Ġesù jrid jgħin lil min kien qed jisimgħu biex il-mod li bih jiħaddmu r-regoli tal-Kmandmenti mogħtijin lil Mosè jkun korrett, billi jħeġġiġhom li jkunu disponibbli għal Alla, li jedukana dwar liema huma l-libertà vera u r-responsabbità permezz tal-Liġi.
Ifisser li ngħixuha (il-Liġi) bħala strument tal-libertà. Ma ninsewhx dan: ngħixu l-Liġi bħala strument tal-libertà, li jgħinni biex inkun aktar ħieles, li jgħinni biex ma nkunx ilsir tal-passjonijiet u tad-dnub. Niftakru fil-gwerer, niftakru fil-konsegwenzi tal-gwerer, niftakru f’dik it-tifla li mietet bil-kesħa fis-Sirja l-bieraħtlura. Tant diżastri, tant minnhom. Dan hu frott il-passjonijiet u n-nies li jagħmlu l-gwerra ma jafux jiddominaw il-passjonijiet tagħhom. Jonqos li huma josservaw il-Liġi. Meta nċedu għat-tentazzjonijiet u l-passjonijiet, ma nkunux fil-kontroll u protagonisti ta’ ħajjitna, imma nitilfu l-ħila li nikkontrollawha bir-rieda u r-responsabbiltà.
Id-diskors ta’ Ġesù hu msejjes fuq erba’ antitesi mistqarra bil-formula: “Smajtu x’intqal… imma jien ngħidilkom”. Dawn l-antitesi jirreferu għall-istess sitwazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum: l-omiċidju, l-adulterju, id-divorzju u l-ġuramenti. Ġesù ma jnehhix ir-regoli marbutin ma’ dawn il-problemi, iżda jispjega t-tifsira tagħhom u juri b’liema spirtu jeħtieġ li jkunu osservati. Hu jħeġġeġ biex minn osservanza formali tal-Liġi ngħaddu għal osservanza sostanzjali, billi nilqgħu l-Liġi f’qalbna li hi ċ-ċentru tal-intenzjonijiet, tad-deċiżjonijiet, tal-kliem u tal-ġesti ta’ kull wieħed u waħda minna. L-azzjonijiet tajba u anki dawk ħżiena jinbtu mill-qalb.
Meta nilqgħu il-Liġi t’Alla fi qlubna nifmhu li meta ma nħobbux il-proxxmu, f’ċertu sens inkunu qed noqtlu lilna nfusna u lill-oħrajn, għax il-mibgħeda, ir-rivalità u l-firda joqtlu l-karità fraterna li hi s-sies tar-relazzjonijiet inter-personali. U dan jgħodd għal dak li għidt dwar il-gwerer u wkoll dwar it-tqassis għax l-ilsien joqtol.
Meta nilqgħu l-Liġi t’Alla fi qlubna nifhmu li x-xewqat jeħtieġ nikkontrollawhom għax ma jistax ikollna dak kollu li nixtiequ u mhux sew li nċedu quddiem is-sentimenti egoisti u possessivi. Meta nilqgħu l-Liġi t’Alla fi qlubna nifhmu li għandna nħallu warajna stil ta’ ħajja mibni fuq wegħdiet mhux mitmuma, kif ukoll li mill-projbizzjoni li ma naħilfux il-falz ngħaddu għad-deċiżjoni li ma naħilfu xejn u jkollna atteġġjament ta’ sinċerità sħiħa ma’ kulħadd.
U Ġesù huwa konxju li mhux faċli tgħix il-Kmandamenti b’dal-mod tant sħiħ. Għalhekk Hu joffrielna l-għajnuna ta’ mħabbtu: Hu ġie fid-dinja mhux biss biex iġib il-milja tal-Liġi, iżda wkoll biex jirregalalna l-grazzja tiegħu, sabiex aħna nkunu nistgħu nagħmlu r-rieda t’Alla billi nħobbu lilu u lil ħutna. Kollox, kollox nistgħu nagħmlu bil-Grazzja t’Alla! Anzi, il-qdusija m’hi xejn aktar milli nħarsu dil-gratwità li tana Alla, dil-Grazzja. Ifisser li nafdaw u nintelqu f’idejh, fil-Grazzja tiegħu, f’dik il-gratwità li tana u li nilqgħu l-id li Hu jnewlilna bla waqfien, biex l-isforzi tagħna u l-impenn meħtieġ ikunu sostnuti bl-għajnuna tiegħu, mewwija bit-tjubija u l-ħniena.
Illum Ġesù qed jitlobna nterrqu t-triq tal-imħabba li wriena Hu u li tibda mil-qalb. Din hi t-triq li għandna nimxu fiha biex ngħixu ta’ nsara.
Il-Verġni Marija tgħinna nsegwu t-triq li mmarkalna Binha ħalli naslu għall-hena veru u nxerrdu ma’ kullimkien il-ġustizzja u l-paċi.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Insellmilkom ilkoll, Rumani u pellegrini; partikolarment li dawk ġejjin mill-Kroazja u mis-Serbja; minn Trappes, fi Franza; mid-djoċesi ta’ Toledo, fi Spanja; u lill-istudenti tal-Kulleġġ “Asunción Cuestablanca” minn Madrid.
Insellem lill-fidili minn Biancavilla, Fiuggi, Aprilia, Pescara u Treviso; lill-adoloxxenti li għamlu l-Ġriżma minn Serravalle Scrivia, Quarto d’Altino u Rosolina.
U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Maqlub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber