Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum, l-aħħar Ħadd tas-Sena Liturġika, jilħaq il-quċċata tiegħu bl-istqarrija ta’ Ġesù li jgħid: “Jien Sultan” (Ġw 18:37). Hu jgħid dal-kliem quddiem Pilatu, filwaqt li l-folla qed tgħajjat biex tikkundannah għall-mewt. Hu jgħid: “Jien Sultan”, u l-folla tgħajjat biex tikkundannah għall-mewt: x’kuntrast! Waslet is-siegħa. Donnu jidher li qabel Ġesù ma riedx li n-nies jaħtruh sultan: nitfakru f’dik id-darba meta wara t-tkattir tal-ħobż u l-ħut, hu warrab għalin innifsu biex jitlob (cfr Ġw 6:14-15).
Il-fatt hu li r-regalità ta’ Ġesù hi differenti għal kollox mir-regalità tad-dinja. “Is-saltna tiegħi – jgħid lil Pilatu – mhix ta’ din id-dinja” (Ġw 19:19). Ir-regalità tiegħu tmur ’l hinn mill-qies uman! Nistgħu ngħidu li mhuwiex sultan bħall-oħrajn, imma Sultan għall-oħrajn. Nerġgħu naħsbu ftit dwar dan: quddiem Pilatu Kristu jgħid li hu sultan fil-ħin li fih il-folla qed teħodha kontrih, filwaqt li meta kienet tiġri warajh kienet tfaħħru, u issa tbiegħdet minn dan it-tifħir. Ġesù juri ruħu, jiġifieri, juri li ħieles għalkollox mix-xewqa għall-fama u l-glorja tad-dinja. U aħna – nistaqsu lilna nfusna – nafu nimitawh f’dan? Nafu nikkontrollaw it-tendenzi tagħna li l-ħin kollu rridu min ifittixna u japprovana, jew nagħmlu minn kollox biex niksbu l-istima tal-oħrajn? F’dak li nagħmlu, partikolarment fl-impenn tagħna bħala Nsara, nistaqsu: x’inhu dak li jgħodd? Jgħodd iċ-ċapċip jew jgħodd il-qadi?
Ġesù mhux biss jaħrab milli jfittex kull għamla ta’ kobor tad-dinja, imma l-qalb ta’ min jimxi warajh jagħtiha wkoll il-ħelsien u jagħmilha sovrana. Hu, għeżież ħuti, jeħlisna mill-jasar (mis-sudditanza) tal-ħażen. Saltnatu ħelliesha, ma fiha xejn li jgħakkes. Lil kull dixxiplu jqisu bħala ħabib mhux bħala sudditu. Minkejja li hu ogħla mis-slaten kollha, ma jfassalx linji ta’ firda bejnu u bejn l-oħrajn; imma jixtieq ikollu aħwa ma’ min jista’ jaqsam il-ferħ tiegħu (cfr Ġw 15:11). Meta nimxu warajh ma nitilfu xejn, imma niksbu d-dinjità. Għax madwaru, Kristu ma jridx serviliżmu, imma bnedmin ħielsa. U – nistaqsu issa lilna nfusna – minn fejn ġej il-ħelsien ta’ Ġesù? Niskopru dan jekk iduru lejn l-affermazzjoni quddiem Pilatu: “Jien Sultan. Jien għalhekk twelidt u għalhkk ġejt fid-dinja: biex nagħti xhieda għall-verità (Ġw 18:37).
Il-libertà ta’ Ġesù tiġi mill-verità. Hija l-verità tiegħu li teħlisna (cfr Ġw 8:32). Imma l-verità ta’ Ġesù mhix xi idea, xi ħaġa astratta: il-verità ta’ Ġesù hi realtà, hi Hu stess li jiżra’ l-verità ġewwa fina, jeħlisna mill-wiċċ b’ieħor, mill-falsità li għandna fina, mil-lingwaġġ doppju. Meta nkunu ma’ Ġesù, insiru veri. Il-ħajja tan-Nisrani mhix reċta li fiha nistgħu nilbsu l-maskra li l-aktar jaqblilna. Għax meta Ġesù jsaltan fil-qalb, jeħlisha mill-ipokrisija, jeħlisha mill-ingann, mid-doppjezza. L-aktar ħaġa li turina li Kristu hu s-sultan tagħna hi d-distakk minn dak kollu li jniġġes il-ħajja, li jagħmilha ambigwa, mdaħħna, mnikkta. Meta l-ħajja hi ambigwa, ftit ‘l hawn jew ftit ‘l hemm, tkun ta’ dwejjaq, ta’ dwejjaq kbar. Ċertament, dejjem ikollna nagħmlu l-kontijiet mal-limitazzjonijiet u d-difetti: ilkoll kemm aħna midinbin. Imma meta ngħixu taħt is-sinjorija ta’ Ġesù ma nsirux korrotti, ma nkunu foloz, dejjem lesti biex naħbu l-verità. Ma ngħixux ħajja doppja. Ftakruha tajjeb: iva, aħna midinbin, imma qatt korrotti, qatt! Midinbin iva, korrotti qatt. Tgħinna l-Madonna biex kuljum infittxu l-verità ta’ Ġesù, Sultan tal-univers, li jeħlisna mill-jasar tad-dinja u jgħallimna negħlbu l-vizzji tagħna.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
Illum, għall-ewwel darba fil-festa ta’ Kristu Re, fil-Knejjes partikolari kollha qed jiġi ċelebrat il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Għaldaqstant, ħdejja hawn żewġ żgħażagħ minn Ruma biex jirrapreżentaw liż-żgħażagħ kollha ta’ Ruma. Insellem minn qalbi liż-żgħażagħ kollha tad-Djoċesi tagħna u nawgura li ż-żgħażagħ tad-dinja kollha jħossuhom parti ħajja mill-Knisja, protagonisti tal-missjoni tagħha. Grazzi li ġejtu hawn. U tinsewx, li ssaltan ifisser li taqdi. Kif kienet din? Biex issaltan trid taqdi. Ilkoll flimkien: biex issaltan trid taqdi. Kif jgħallimna s-Sultan tagħna. Issa se nitlob liż-żgħażagħ isellmulkom:
It-tfajla: Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ it-tajjeb, lilkom ilkoll!
Il-ġuvni: Ejjew inkun xhieda li hu sabiħ ħafna li temmen f’Ġesù!
Il-Papa: Ara ftit: kemm hi sabiha din! Grazzi. Ibqgħu hawn.
Illum jaħbat ukoll il-Jum Dinji tas-Sajd. Insellem lis-sajjieda kollha u nitlob għal kull min jgħix f’kundizzjonijiet diffiċli jew, kultant, sfortunatament, ta’ xogħol furzat. Ninkoraġġixxi lill-kappillani u l-volontarji tal-iStella Maris biex jissuktaw bis-servizz pastorali lil dawn il-persuni u lill-familji tagħhom.
U llum ukoll infakkru l-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku. Nitolbu għalihom u noqogħdu attenti biex ma nħallux dawn l-inċidenti jsiru.
Minbarra dan, nixtieq nagħmel kuraġġ lill-inizjattiva fi ħdan il-Ġnus Magħquda sabiex naslu ħalli jkun hemm kontroll aħjar fuq il-kummerċ tal-armi.
Ilbieraħ f’Katowice, fil-Polonja kien beatifikat is-saċerdot Giovanni Francesco Macha, li nqatel minħabba l-mibegħda lejn il-fidi fl-1942 fix-xenarju tal-persekuzzjoni nażist kontra l-Knisja. Fid-dlam tal-ħabs kien sab il-qawwa tiegħu f’Alla u sab il-manswetudni biex jaffronta dak il-kalvarju Jalla l-martirju tiegħu ikun żerriegħa għammiela ta’ tama u paċi. Applaws lill-beatu l-ġdid!
Insellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini minn pajjiżi differenti, partikolarment lil dawk ġejjin mill-Polonja u mill-Istati Uniti tal-Amerika. Insellem lill-iscouts mill-Arċidjoċesi ta’ Braga fil-Portugall. Tislima speċjali lill-komunità Ekwadorjana ta’ Ruma li qed tiċċelebra l-Verġni de El Quinche. Insellem lill-fidili minn Sant’Antimo (Napli) u minn Katanja; lill-adoloxxenti tal-Griżma minn Pattada; u lill-voluntiera tal-Bank tal-Ikel, li qed jitħejjew għall-Jum ta’ ġbir tal-ikel, nhar is-Sibt li ġej. Grazzi ħafna! U wkoll liż-żgħażagħ tal-Immacolata.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. U, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: laikos.org