Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-lum itina xena iebsa: Ġesù jkeċċi lil-merkanti mit-tempju (ara Ġw 2:13-25), Ġesù jkeċċi lill-bejjiegħa, jaqleb il-bankijiet tas-sarrafa tal-flus u jwiddeb lil kulħadd b’dal-kliem: “Id-dar tiegħi tagħmulhiex dar tan-negozju: (v. 16). Nieqfu ftit fuq il-kuntrast bejn dar u suq: dawn huma żewġ modi kif bniedem jippreżenta ruħu quddiem il-Mulej.
Fit-tempju meqjus bħala suq, biex wieħed ikun f’postu ma’ Alla kien biżżejjed jixtri nagħġa, iħallas tagħha u jikkunsmaha fuq il-ħatab tal-altar. Xiri, ħlas, konsum u wara kulħadd lejn daru. Fit-tempju meqjus bħala dar jiġri l-maqlub: wieħed imur biex jiltaqa’ mal-Mulej, biex jibqa’ magħqud miegħu, jingħaqad ma’ ħutu u jaqsam il-ferħ u n-niket. U aktar: fis-suq wieħed jiġġebbed fuq il-prezz, fid-dar m’hemmx kalkoli; fis-suq bniedem ifittex l-interessi tiegħu, fid-dar kollox jingħata b’xejn. U llum Ġesù hu iebes għax ma jaċċettax li t-tempju-suq jieħu post it-tempju-dar, ma jaċċettax li r-relazzjoni ma’ Alla tkun distanti u kummerċjali minflok qrubija u fiduċjuża, ma jaċċettax li l-tilari jieħdu post il-mejda tal-familja, li l-prezzijiet jieħdu post it-tgħanniq u li l-flus jieħdu post iż-żegħil. U għala dan kollu Ġesù ma jaċċettahx? Għax b’hekk tinħoloq barriera bejn Alla u l-bniedem u bejn l-aħwa, filwaqt li Kristu ġie biex iġib il-komunjoni, il-ħniena, jiġifieri l-maħfra, ġie jġib il-qrubija.
L-istedina tal-lum, li tgħodd ukoll għall-mixja tul dan ir-Randan, hi, biex fina u madwarna noħolqu aktar dar u anqas suq. L-ewwel u qabel kollox fil-konfront ta’ Alla: billi nitolbu ħafna, bħala wlied li bla qatt jgħejjew iħabbtu bil-fiduċja fuq il-bieb tal-Missier, mhux bħala negozjanti xħaħ u diffidenti. Għalhekk, l-ewwel bit-talb. Imbagħad billi jxerrdu l-fraternità: hawn tant bżonn tal-fraternità! Niftakru fis-silenzju imbarazzanti, li jiżola, kultant saħansitra ostili, li niltaqgħu miegħu f’tant postijiet.
Nistaqsu lilna nfusna għalhekk, qabel kollox: kif inhu t-talb tiegħi? Hu prezz li għandi nħallas jew il-mument li fih nintelaq għal kollox bil-fiduċja, li fih ma noqgħodx inħares lejn l-arloġġ? U kif inhuma r-relazzjonijiet tiegħi mal-oħrajn? Naf nagħti bla ma nistenna xejn lura? Naf immidd l-ewwel pass biex inkisser il-ħitan u l-vojt tad-distanzi? Dawn huma mistoqsijiet li għandna nagħmluhom lilna nfusna.
Marija tgħinna biex nagħmlu dar li fiha “ngħammru” flimkien ma’ Alla, bejnietna u madwarna.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
B’niket, ta’ kuljum inġorr f’qalbi it-tbatija tal-popolazzjonijiet tal-Palestina u Iżrael, minħabba l-gwerra li għaddejja. L-eluf ta’ mejtin, midrubin, imkeċċijin minn djarhom, il-qerda enormi, qed iġibu wġigħ kbir b’konsegwenzi tremendi fuq iċ-ċkejknin u fuq min hu bla difiża, li qed jaraw il-ġejjieni tagħhom imfarrak. Nistaqsi lili nnifsi: bis-serjetà hemm min jidhirlu li b’dal-mod jista’ jibni dinja aħjar, li jidhirlu li jista’ jasal għall-paċi? Biżżejjed, jekk jogħġobkom! Ngħidu lkoll flimkien: daqshekk, jekk jogħġobkom! Ieqfu! Inħeġġeġ it-tkomplija tan-negozjati biex jieqaf il-ġlied minnufih f’Gaża u fir-reġjun kollu, sabiex l-ostaġġi jinħelsu mill-aktar fis u jerġgħu lura fi ħdan l-għeżież tagħhom li qed jistennewhom bil-ħerqa, u sabiex il-popolazzjoni ċivili jkollha aċċess żgur għall-għajnuna umanitarja li hi dritt tagħha. U, jekk jogħġobkom, ma ninsewx lilll-Ukrajna mbiċċra fejn qed imutu tant nies ta’ kuljum.
Fil-5 ta’ Marzu jaħbat it-tieni Jum Internazzjonali biex insiru konxji tad-diżarm u biex jieqaf it-tixrid tal-armamenti. Kemm riżorsi jinħlew fuq spejjez militari, li minħabba s-sitwazzjoni attwali, bi swied il-qalb, qed ikomplu jiżdiedu! Nawgura minn qiegħ qalbi li l-komunità internazzjonali tifhem li d-diżarm hu qabel kollox dmir, id-diżarm hu dmir morali. Indaħħluha f’rasna din. U dan jitlob kuraġġ mill-membri kollha tal-familja kbira tan-nazzjonijiet biex mill-ekwilibriju tal-biża’ ngħaddu għall-ekwilibriju tal-fiduċja.
Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi. Insellem partikolarment lill-istudenti tal-Università Sénior di Vila Pouca de Aguiar mill-Portugall; lill-istudenti tal-Istitut Rodríguez Moñino minn Bajadoz; u lill-gruppi parrokkjali mill-Polonja.
Insellem lil dawk li se jagħmlu l-griżma minn Rosolina fid-djoċesi ta’ Chioggia, flimkien mal-qraba tagħhom; lill-fidili li ġew minn Padova, minn Azzano Mella, Capriano u Fenili, minn Taranto u mill-parroċċa ta’ San Albert il-Kbir f’Ruma.
Tislima mimlija għożża liż-żgħażagħ mill-Ukrajna li tlaqqgħu mill-Komunità ta’ Sant’Egidio biex jiddiskutu t-tema “Irbaħ il-ħażin bit-tajjeb. Talb, foqra, paċi”. Għeżież żgħażagħ, grazzi tal-impenn tagħkom favur min qed isofri minħabba l-gwerra. Grazzi!
U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!