Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Fl-Evanġelju tal-lum (cfr Mt 5,13-16), Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Intom il-melħ tal-art. Intom id-dawl tad-dinja” (vv, 13.14). Hu juża lingwaġġ simboliku biex juri lil kull min irid jimxi warajh xi kriterji biex ħajtu tkun preżenza u xhieda fid-dinja.
L-ewwel tixbiha: il-melħ. Il-melħ hu l-elementi li jagħti t-togħma u li jippreserva u jżomm l-ikel biex ma jitħassarx. Għalhekk id-dixxiplu għandu s-sejħa biex iżomm il-perikli, il-mikrobi li jherru u li jniġġsu l-ħajja tal-persuni, bogħod mis-soċjetà. Ifisser li jirreżisti d-degradazzjoni morali, id-dnub billi jagħti xhieda tal-valuri tal-onestà u l-fraternità, bla ma jċedi quddiem l-imposturaġni tal-ambizzjoni, tal-poter, tal-għana. Huwa “melħ” id-dixxiplu li, minkejja l-fallimenti tal-ħajja ta’ kuljum – għax ilkoll għandna minnhom -, jerġa’ jqum mit-trab tal-iżbalji tiegħu, u bil-kuraġġ u l-paċenzja, kuljum, jerġa’ jibda jfittex id-djalogu u l-laqgħa mal-oħrajn. Huwa “melħ” id-dixxiplu li ma jfittixx il-kunsens u t-tifħir, iżda jagħmel ħiltu biex ikun preżenza umli, kostruttiva, b’fedeltà lejn it-tagħlim ta’ Ġesù li ġie fid-dinja mhux biex ikun moqdi imma biex jaqdi. U hawn ħtieġa kbira ta’ atteġġjament bħal dan!
It-tieni tixbiha li Ġesù joffri lid-dixxipli tiegħu hi dik tad-dawl: “Intom id-dawl tad-dinja”. Id-dawl iħoll id-dlam u jippermettilek tara. Ġesù huwa d-dawl li ferrex id-dlam, imma dan baqa’ fid-dinja u anki fil-bnedmin individwalment.
Hu dmir tan-nisrani iħoll id-dlam billi jdawlu bid-dawl ta’ Kristu u jħabbar l-Evanġelju. Hi dija li tista’ tiġi minn kliemna imma li, fuq kollox, għandha tinbet mill-opri tajba tagħna (v. 16). Id-dixxiplu u l-komunità nisranija huma d-dawl tad-dinja meta jmexxu lil ħaddieħor lejn Alla, meta jgħinu lil kulħadd jagħmel esperjenza ta’ tjubitu u tal-ħniena tiegħu. Id-dixxiplu ta’ Ġesù huwa dawl meta jagħraf jgħix il-fidi tiegħu ‘il barra mill-ispazji dojoq, meta jagħti sehemu biex jelimina l-preġudizzji, jelimina l-kalunnji, u jdaħħal id-dawl tal-verità fis-sitwazzjonijiet imniġġsa mill-ipokrisija u l-gideb. Inkun dawl. Imma d-dawl mhux tiegħi, huwa d-dawl ta’ Ġesù: aħna strumenti biex id-dawl ta’ Ġesù jkun jista’ jasal għand kulħadd.
Ġesù jistedinna biex ma nibżgħux ngħixu fid-dinja anki jekk xi drabi fiha nosservaw kundizzjonijiet ta’ kunflitt u dnub. Quddiem il-vjolenza, l-inġustizzja, l-oppressjoni, in-nisrani ma jistax jingħalaq fih innifsu jew jinħeba wara l-kenn tal-ħajt ta’ daru; l-istess il-Knisja, ma tistax tingħalaq fiha nfisha, ma tistax tabbanduna l-missjoni tagħha ta’ evanġliżżazzjoni u servizz. Fl-Aħħar Ikla, Ġesù, talab lill-Missier biex ma jwarrabx lid-dixxipli mid-dinja, iħallihom hawn, fid-dinja, imma talab biex iħarishom mill-ispirtu tad-dinja. Il-Knisja tistinka bla heda bil-ġenerożità u t-tenerezza favur iż-żgħar u l-foqra: dan mhuwiex l-ispirtu tad-dinja, dan hu d-dawl tagħha, dan hu l-melħ. I-Knisja tisma’ l-karba ta’ min hu l-aħħar u tal-imwarrab għax konxja li hi komunità pellegrina msejħa biex tul l-istorja tkompli testendi l-preżenza salvifika ta’ Ġesù Kristu.
Il-Verġni Mqaddsa tgħinna nkunu melħ u dawl qalb in-nies, u nwasslu lil kulħadd, bil-ħajja u bil-kelma, l-Bxara t-Tajba tal-imħabba t’Alla.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber