Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Bir-rakkont tal-parabbola tal-festa tat-tieġ li għandna fis-silta tal-Evanġelju tal-lum (cfr Mt 22,1-14), Ġesù jabbozza l-proġett li Alla ħejja għall-umaniità.  Is-sultan “li ħejja l-festa tat-tieġ ta’ ibnu” (v. 2) hu x-xbieha tal-Missier li ħejja lill-familja umana kollha biex tieħu sehem fil-festa meraviljuża ta’ mħabba u komunjoni madwar Ibnu l-waħdieni.  Għal darbtejn is-sultan jibgħat lill-qaddejja tiegħu biex isejħu lill-mistednin imma dawn jirrifjutaw, ma jridux imorru għall-festa għax għandhom affarijiet oħra x’jagħmlu: l-għelieqi u n-negozju.  Bosta drabi aħna wkoll inqiegħdu l-interessi tagħna u l-ħwejjeġ materjali qabel il-Mulej li qed isejħilna – u jsejħilna għall-festa.  Imma s-sultan tal-parabbola ma jridx li s-sala tibqa’ battala, għax jixtieq jirregala t-teżori tas-saltna tiegħu.  Għalhekk lill-qaddejja jgħidilhom: “Morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kull min issibu” (v. 9).  Hekk iġib ruħu Alla: meta nirrifjutawh, minflok jaqta’ qalbu, jerġa’ jitħeġġeġ u jistieden, isejjaħ lil kull min ikun jinsab f’salib it-toroq, bla ma jbarri lil ħadd.  Ħadd mhu mbarri mid-Dar ta’ Alla.

Il-kelma oriġinali li juża l-evanġelista Mattew tirreferi għat-truf tat-toroq, jiġifieri dawk l-inħawi fejn jintemmu t-toroq tal-bliet u jibdew il-mogħdijiet li jwasslu fil-kampanja ‘il barra mill-abitat, hemm fejn il-ħajja hi inċerta.  Is-sultan ta’ dil-parabbola jibgħat lill-qaddejja tiegħu isejħu lil din l-umanità ta’ salib it-toroq, għax ċert li hemmhekk se jsib nies lesti biex joqogħdu madwar il-mejda.  Hekk is-sala timtela “bl-imwarrbin”, dawk li qiegħdin “barra”, b’dawk li qatt ma dehru xierqa li jieħdu sehem f’festa, f’mejda ta’ tieġ.  Anzi, is-sid, is-sultan, lill-messaġġiera jgħidilhom” “Sejħu lil kulħadd, lit-tajbin u lill-ħżiena.  Lil kulħadd!”  Alla jsejjaħ lill-ħżiena wkoll.  “Le, jien biedem ħażin, għamilt tant …..” Qed isejjaħlek “Ejja,ejja, ejja!”  U Ġesù kien imur jiekol mal-publikani li kienu l-midinba pubbliċi, kienu l-ħżiena.  Alla ma jibżax mir-ruħ tagħna miġrugħa b’tant feriti, għax iħobbna, jistedinna.  U l-Knisja hi msejħa biex tmur f’salib it-toroq tal-umanità, dawk l-inħawi tat-truf, dawk is-sitwazzjonijiet li fihom hemm it-tined li fihom jgħix il-frak ta’ umanità bla tama.  Ifisser li m’għandniex nistrieħu fuq il-metodi komdi u tas-soltu fl-evanġeliżżazzjoni u x-xhieda tal-karità, imma niftħu l-bibien ta’ qlubna u tal-komunitajiet tagħna għal kulħadd għax l-Evanġelju mhux riservat biss għal xi ftit magħżulin.  Anki dawk li jinsabu fit-truf, saħansitra dawk li huma rifjutati u mżebilħin mis-soċjetà, huma meqjusin denji ta’ mħabbu.  Hu jħejji l-mejda tiegħu għal kulħadd: ġusti u midinbin, tajbin u ħżiena, inteliġenti u bla skola.  Ilbieraħ filgħaxija rnexxili nagħmel telefonata lil sa       ċerdot anzjan taljan, missjunarju fil-Brażil sa minn żgħożitu, iżda li dejjem ħadem mal-imwarrbin, mal-foqra.  U qed jgħixu xjuħitu fil-paċi: “ħaraq” ħajtu mal-foqra.  Din hi Ommna l-Knisja, dan hu l-messaġġier ta’ Alla li jmur f’salib it-toroq tal-mogħdijiet.

Madankollu, il-Mulej jagħmel kundizzjoni: ilbes il-libsa tat-tieġ.  U nduru lura lejn il-parabbola.  Meta s-sala mtliet, jasal is-sultan u jsellem lill-mistednin tal-aħħar siegħa, imma jara wieħed minnhom mingħajr il-libsa tat-tieġ, speċi ta’ kapott qasir li kull mistieden kien jingħata b’rigal.  In-nies kienu jmorru b’li jkollhom fuqhom, lebsin kif setgħu, ma kinux jilbsu gala.  Imma fil-bieb kienu jingħataw speċi ta’ kapott, rigal. Peress li dak ir-raġel kien irrifjuta r-rigal gratwit, qata’ lilu nnnifsu ‘l barra:  għalhekk, is-sultan ma seta’ jagħmel xejn aktar ħlief li jqaċċtu ‘l barra.  Dar-raġel laqa’ l-istedina, imma mbagħad qatgħha li għalih ma kienet tfisser xejn: kien bniedem mimli bih innifsu, ma kellu ebda rieda li jinbidel jew li jħalli lill-Mulej jibdlu.  Il-libsa tat-tieġ – dan il-kapott – hu simbolu tal-ħniena t’Alla moghtija lilna b’xejn. Mingħajr grazzja ma nistgħu nagħmlu ebda pass ‘il quddiem fil-ħajja nisranija.  Kollox huwa grazzja.  Mhux biżżejjed naċċettaw l-istedina biex nimxu wara l-Mulej, jeħtieġ inkunu disponibbli għal mixja ta’ konverżjoni li tibdel il-qalb.  Il-libsa tal-ħniena li Alla joffrilna mingħajr heda hi don gratwit ta’ mħabbtu,  hi propju grazzja.  U jeħtieġ li tkun milqugħa bi stagħġib u bil-ferħ: “Grazzi, Mulej, li tajtni dan ir-rigal”.

Marija Santissma tgħinna nimitaw il-qaddejja tal-parabbola evanġelika biex noħorġu mill-mudelli tal-veduti dejqa tagħna u nħabbru lil kulħadd li l-Mulej jistieden għall-mejda tiegħu, biex joffrilna l-grazzja li ssalva, biex itina d-don tiegħu.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

nixtieq nesprimi l-qrubija tiegħi mal-popolazzjonijiet li ntlaqtu min-nirien li qed jeqirdu tant reġjuni tal-pjaneta, kif ukoll lejn il-volontarji u l-ħaddiema tat-tifi tan-nar li jqiegħdu ħajjithom fil-periklu biex jitfu n-nirien.  Qed naħseb fil-kosta tal-punent tal-Istati Uniti, partikolarment il-California, u qed niftakar ukoll fir-reġjuni tan-nofs tal-Amerika t’Isfel, fiż-żona tal-Pantanal, fil-Paragwaj, fix-xtut tax-xmara Paranà, fl-Arġentina.  Ħafna nirien jibdew minħabba n-nixfa ma taqta’ xejn, imma mhux nieqsa dawk li jinbdew mill-bniedem!  Il-Mulej iwieżen lil dawk kollha li qed ibatu l-konsegwenzi ta’ dawn it-traġedji u jżommna lkoll attenti biex nippreservaw il-ħolqien.

Apprezzajt li bejn l-Armenja u l-Azerbaijan intlaħaq ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied għal raġunijiet umanitarji, bil-prospettiva li jintlaħaq ftehm sostanzjali ta’ paċi.  Minkejja li l-waqfien mill-ġlied qed jidher wisq dgħajjef, nikoraġġixxi li dan jerġa’ jibda u nesprimi l-parteċipazzjoni tiegħi  fin-niket minħabba t-telfien tal-ħajja umana, fit-tbatijiet li qed isofru, kif ukoll minħabba l-qerda tad-djar u mkejjen ta’ qima.  Nitlob u nistieden it-talb għall-vittmi u għal dawk kollha li ħajjithom tinsab fil-periklu.

ilbieraħ f’Assisi kien beatifikat Carlo Acutis, tfajjel ta’ ħmistax-il sena, innamrat mill-Ewkaristija.  Hu ma qagħadx b’idejh marbuta ma jagħmel xejn imma fehem il-ħtiġjiet ta’ żmienu għax kien jara wiċċ Kristu fid-dgħajfa.  Ix-xhieda tiegħu turi liż-żgħażagħ tal-lum li l-hena veru jinstab kull meta Alla jitqiegħed fl-ewwel post u jkun moqdi f’ħutna, speċjalment dawk tal-aħħar.  Applaws għall-Beatu żgħażugħ ġdid!

Nixtieq infakkar l-intenzjoni tat-talb li pproponejt għax-xahar ta’ Otttubru li tgħid hekk: “Nitolbu sabiex il-fidili lajċi, speċjalment in-nisa, jieħdu sehem akbar fl-istituzzjonijiet ta’ responsabbiltà tal-Knisja”.  Għax ħadd minna ma kien mgħammed bħala saċerdot jew isqof: ilkoll tgħammidna bħala lajċi.  Il-lajċi huma protagonisti fil-Knisja.  Illum hemm bżonn inwessgħu l-ispazji biex ikun hemm preżenza femminili aktar inċisiva fil-Knisja, u preżenza lajka, m’hemmx għalfejn ngħidu, imma li tisħaq fuq il-preżenza femminili, għax fil-biċċa l-kbira n-nisa jitwarrbu fil-ġenb.  Hemm bżonn nippromwovu l-integrazzjoni tan-nisa fil-postijiet fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet importanti.  Nitolbu sabiex bis-saħħa tal-magħmudija, il-fidli lajċi, speċjalment in-nisa, ikollhom sehem akbar fl-istituzzjonijiet ta’ responsabbiltà tal-Knisja, bla ma naqgħu fil-klerikaliżmi li jħassar l-kariżma lajkali u jirvina ukoll il-wiċċ ta’ Ommna l-Knisja Mqaddsa.

Il-Ħadd li ġej, 18 ta’ Ottubru, il-Fundazzjoni “Aid to the Church in Need” qed tniedi l-inizjattiva “Għall-għaqda u l-paċi, miljun tfal jirreċitaw ir-Rużrju”.  Nagħti kuraġġ lil din il-manifestazzjoni sabiħa li tinvolvi t-tfal tad-dinja kollha, li se jitolbu speċjalment għas-sitwazzjonijiet diffiċli li ġabet magħha l-pandemija.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn pajjiżi varji (qed nara ħafna bnadar hemmhekk): familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet u fidili singoli.  Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: Laikos