Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb,

F’dan it-tieni Ħadd ta’ wara l-Milied il-Kelma t’Alla ma toffrilniex episodju mill-ħajja ta’ Ġesù, tkellimna dwaru, imma tkellimna dwar qabel ma’ twieled.  Teħodna lura biex tikxfilna xi ħaġa dwar Ġesù qabel ma ġie fostna.  Dan tagħmlu fuq kollox permezz tal-Prologu tal-Evanġelju ta’ Ġwanni li jibda hekk: “Fil-bidu kien il-Verb” (Ġw1,1).  Fil-bidu: dan hu l-ewwel kliem tal-Bibbja, l-istess kliem li bih jibda r-rakkont tal-ħolqien: “Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art” (Ġen 1,1).  Illum l-Evanġelju jgħidilna li dak li aħna kkuntemplajna fit-twelid tiegħu, bħala tarbija Ġesù, kien minn qabel: qabel ma bdew l-affarijiet, qabel l-univers, qabel kollox.  Hu kien qabel l-ispazju u ż-żmien.  “Fih kien hemm il-ħajja”(Ġw 1,4), qabel ma feġġet il-ħajja.

San Ġwann isejjaħlu Verb, jiġifieri Kelma.  X’irid jgħidilna b’dan?  Il-kelma qiegħda biex nikkomunikaw: ma nitkellmuux waħedna, nitkellmu ma’ xi ħadd ieħor.  Dejjem nitkellmu ma’ xi ħadd ieħor.  Meta fit-triq aħna naraw nies li jitkellmu waħedhom ngħidu: “Dal-bniedem għandu xi ħaġa mhix taħdem….”.  Issa l-fatt li Ġesù kien sa mill-bidu, il-Kelma tfisser li sa mill-bidu Alla ried jikkomunika magħna, irid ikellimna.  L-Iben waħdieni ta’ Alla (cfr v. 14) jrid tfissrilna s-sbuħija li aħna wlied Alla; huwa “d-dawl veru” (v. 4) u jixtieq nitbiegħdu mid-dlam tal-ħażen; din hi l-ħajja li jaf ħajjitna u jrid jgħidilna li kien iħobbna minn dejjem.  Iħobbna lkoll.  Dan hu l-messaġġ stupend tal-lum:  Ġesù hu l-Kelma, il-Kelma eterna ta’ Alla, li minn dejjem jaħseb fina u jixtieq jitkellem magħna.

U biex jagħmel dan mar ‘l hinn mill-kliem.  Infatti, l-essenza tal-Evanġelju tal-lum tgħidilna li l-Kelma “saret laħam u ġiet tgħammar fostna” (v. 14).  Saret laħam: għaliex San Ġwann juża din l-espressjoni, “laħam”?  Ma setax qal, b’mod aktar eleganti, li sar bniedem?  Le, juża l-kelma laħam għax din turi l-kundizzjoni umana tagħna fid-dgħufija kollha tagħha.  Jgħidilna li Alla sar dgħufija biex imiss id-dgħufija tagħna mill-qrib.   Għalhekk fil-waqt li fih il-Mulej sar laħam ebda aspett tal-ħajja tagħna ma hu mwarrab minnu.  M’hemm xejn li Hu jistkerraħ, nistgħu naqsmu kollox miegħu, kollox.  Għażiż hija, għażiża oħti, Alla sar laħam biex jgħidilna, biex jgħidlek li jħobbok propju hekk, li jħobbna propju hekk, fid-dgħufijiet tagħna, fid-dgħufijiet tiegħek: propju hemm fejn aħna l-aktar li nħossuna nistħu.  Din hi ambizzjoni kbira, hija ambizzjuża (kuraġġuża) d-deċiżjoni ta’ Alla: sar laħam propju fejn aħna, bosta drabi nħossuna nistħu; jidħol fil-mistħija tagħna biex isir ħuna, biex jaqsam magħna t-triq tal-ħajja.

Sar laħam u ma reġax bdielu.  Ma ħax fuq l-umanità tagħna qiesu libes libsa li tilbisha u tinżagħha.  Le, qatt aktar ma tneżża minn laħamna.  U mhu se jinqata’ minnu qatt: issa u dejjem Hu jinsab fis-sema bil-ġisem tiegħu tal-laħam uman.  Ingħaqad għal dejjem mal-umanità tagħna, nistgħu ngħidu li “żżewwiġha”.  Jien inħobb naħseb li meta l-Mulej jitlob għalina lill-Missieru, ma jitkellmix biss: jurih il-ġrieħi f’laħmu, jurih il-pjagi li ġarrab għalina.  Dan hu Ġesù: jinterċedi għalina b’laħmu, ried jibqa’ jġorr ukoll is-sinjali tat-tbatija.  Ġesù jinsab quddiem il-Missier bil-laħam.  Infatti, l-Evanġelju jgħidilna li ġie jgħammar fostna.  Ma ġiex jagħmlilna żjara u mbagħad telaq, ġie jgħix magħna, biex jibqa’ magħna.  Allura x’jixtieq minna?  Jixtieq intimità kbira.  Jixtieq li aħna naqsmu miegħu l-ferħat u n-niket, ix-xewqat u l-biżgħat, it-tamiet u -swied il-qalb, il-persuni u s-sitwazzjonijiet.  Nagħmlu dan bi-fiduċja: niftħulu qlubna, nirrakkuntawlu kollox.  Nieqfu ftit fis-skiet quddiem il-presepju biex niggustaw it-tenerezza ta’ Alla li ġie qribna, li sar laħam.  U bla biża’ nistednuh għandna, f’darna, fil-familja tagħna. U wkoll – kulħadd jafu tajjeb dan – nistednuh jidħol fid-dgħufijiet tagħna.  Nistednuh sabiex Hu jara l-pjagi tagħna.  Hu jiġi u l-ħajja tinbidel.

L-Omm Qaddisa ta’ Alla, li fiha l-Verb sar laħam, tgħinna nilqgħu lil Ġesù, li jħabbat fuq il-bieb tal-qalb biex jgħammar flimkien magħna.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

inġedded lilkom ilkoll l-awguri tiegħi għas-sena li għadha kif bdiet.  Bħala nsara ejjew naħarbu mill-mentalità fatalistika jew maġika: nafu li l-affarijiet se jitjiebu fil-qies li bih, bl-għajnuna t’Alla, se naħdmu flimkien għall-ġid komuni, u fin-nofs inqiegħdu lill -aktar dagħjfa u svantaġġjati.  Ma nafux x’hemm lest għalina matul l-2021, imma dak li kull wieħed u waħda minna u lkoll flimkien nistgħu nagħmlu hu li nimpenjaw ruħna ftit aktar biex nieħdu ħsieb xulxin u l-maħluq, id-dar komuni tagħna.

Minnu li hemm it-tentazzjoni li nagħtu kas biss tal-interessi personali, inkomplu nagħmlu l-gwerra, per eżempju, nikkonċentraw biss fuq l-aspett ekonomiku, ngħixu għax-xalar, jiġifieri nfittxu biss dak li jissodifa l-pjaċiri tagħna…  hemm dik it-tentazzjoni.  Fil-ġurnali qrajt ħaġa li nikktitni ħafna: f’xi pajjiż, ma niftakarx liema, biex jaħarbu mil-lockdown u jqattgħu l-vaganzi kif jidhrilhon, dak il-waranofsinhar telqu minnu aktar minn 40 ajruplan.  Imma dawk in- nies, li huma nies tajbin, ma ħasbux f’dawk li baqgħu d-dar, fil-problemi ekonomiċi ta’ tant nies li spiċċaw mal-art minħabba l-lockdown, fil-morda?  Ħasbu biss biex jagħmlu l-vaganzi u jiddevertu huma.  Dan sewwidili qalbi ħafna.

Nagħti tislima partikolari lil kulmin qed jibda s-sena l-ġdida b’diffikultajiet akbar, il-morda, dawk bla xogħol, kull min qed jgħix f’sitwazzjonijiet ta’ oppressjoni jew sfruttament.  U b’għożża nixtieq insellem lill-familji, speċjalment dawk li fihom hemm it-tfal żgħar jew inkella li qed jistennew xi twelid.  It-twelid dejjem hu wegħda ta’ tama. Inħossni qrib ta’ dawn il-familji: il-Mulej iberikkom!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb, bi ħsiebna dejjem f’Ġesu li sar laħam propju biex jgħix magħna, fis-sitwazzjonijiet sbieħ u f’dawk koroħ, dejjem.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: Laikos