Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Fl-Evanġelju tal-lum (cfr Mt 13,24-43) nerġgħu niltaqħu ma’ Ġesù mehdi jkellem lill-folla bil-parabboli dwar is-Saltna tas-Smewwiet. Jien se nieqaf biss fuq l-ewwel waħda, dik tas-sikrana, li permezz tagħha Ġesù jurina kemm Alla għandu paċenzja, u jiftħilna qlubna għat-tama.
Ġesù jirrakkonta li fl-għalqa li fiha nżera’ qamħ tajjeb, tinbet ukoll is-sikrana, kelma li tiġbor fiha l-ħaxix ħażin kollu, li tinfesta l-art. Bejnietna nistgħu ngħidu li llum ukoll l-art hi meqruda minħabba l-użu ta’ prodotti biex ineħħu l-ħaxix ħażin u l-pestiċidi, li fl-aħħar mill-aħħar jagħmlu ħsara kemm lill-ħaxix kif ukoll lis-saħħa. Imma dan hu bejn ħsieb apparti.
Allura l-qaddejja jmorru għand is-sid biex isiru jafu mnejn nibtet is-sikrana u hu jwieġeb: “Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi!” (.v. 28). Għax aħna qamħ tajjeb żrajna! Xi għadu, xi ħadd li jrid jikkompeti, ġie jagħmlilna dan. Huma xtaqu jmorru jqaċċtu s-sikrana li kienet tikber: iżda s-sid jgħidilhom le, inkella jista’ li mal-ħaxix ħażin – is-sikrana – jitqaċċat ukoll il-qamħ. Jeħtieġ nistennew sal- waqt tal-ħsad; dakinhar biss jinfirdu u s-sikrana tintefa’ fin-nar. Dan hu wkoll rakkont li jagħmel sens.
F’dil-parabbola nistgħu naqraw viżjoni tal-istorja. flimkien ma’Alla – sid l-għalqa – li jferrex dejjem u biss żerriegħa tajba, hemm avversarju, li jiżra’ s-sikrana biex jostakola t-tkabbir tal-qamħ. Is-sid jaħdem fil-miftuh, fid-dawl tax-xemx, u l-għan tiegħu hu l-ħsad tajjeb: iżda l-ieħor, l-avversarju, japprofitta ruħu mid-dalma tal-lejl u jaħdem bl-għejra, bil-mibgħeda, biex jirvina kollox. L-għadu li qed jirreferi għalih Ġesù għandu isem: huwa x-xitan, l-għadu per eċċellenza ta’ Alla. L-għan tiegħu hu li jfixkel l-opra tas-salvazzjoni, li jagħmel ħiltu biex is-Saltna t’Alla ssib ostaklu permezz ta’ operaturi ħżiena, li jiżirgħu l-iskandli. Infatti, iż-żerriegħa t-tajba u s-sikrana ma jirrappreżentawx it-tajjeb u l-ħażin b’mod astratt, iżda lilna l-bnedmin li nistgħu nimxu ma’ Alla inkella max-xitan. Bosta drabi smajna li familja kienet fil-paċi imbagħad inqalgħu l-gwerer, l-għejra…. kwartier li kien fil-paċi, imbagħad bdew iseħħu affarijiet koroħ… U aħna mdorrijin ngħidu: “Ġie xi ħadd hemhekk u żera’ s-sikrana”, jew “dal-membru tal-familja, bil-paroli jiżra’ s-sikrana”. Kull meta tinżera’ s-sikrana dejjem jinżera’ l-ħażen li jeqred. U dan jagħmlu dejjem ix-xitan jew it-tentazzjoni tagħna: meta naqgħu fit-tentazzjoni li nqassu biex inkissru lill-oħrajn.
L-intenzjoni tal-qaddejja hi li l-ħażen, jiġifieri n-nies ħżiena, jeqirduhom minnufih, imma s-sid hu aktar għaqli, jara aktar fil-bogħod: huma għandhom jitgħallmu jistennew, għax li tissaporti l-persekuzzjonijiet u l-ostilità hi parti mill-vokazzjoni nisranija. Żgur li l-ħażen għandna nirrifjutawh, imma n-nies ħżiena huma dawk li għandna nużaw magħhom il-paċenzja. Mhix dik it-tolleranza ipokrita li tostor l-ambigwità, imma hija l-ġustizzja mtaffija mill-ħniena. Ladarba Ġesù ġie jfittex lill-midinbin aktar milli lill-ġusti, biex ifejjaq il-morda qabel min hu b’saħħtu (cfr Mt 9,12-13), l-azzjoni tagħna d-dixxipli wkoll m’għandhiex timmira li telimina lill-ħżiena, imma li ssalvahom. Hemm tinsab il-paċenzja.
L-Evanġelju tal-lum jurina żewġ modi ta’ mġieba u ta’ kif ngħixu fl-istorja: min-naħa, il-viżjoni tas-sid, li jara fil-bogħod; mill-oħra l-viżjoni tal-qaddejja li jimpurtahom mill-problema. Il-qaddejja togħġobhom għalqa mingħajr ħaxix ħażin, is-sid għandu għal qalbu l-qamħ it-tajjeb. Il-Mulej jistedinna biex aħna jkollna l-istess viżjoni tiegħu, dik li tħares fiss lejn il-qamħ it-tajjeb, li taf tieħu ħsiebu mqar qalb il-ħaxix ħażin. Min jgħasses għal-limitazzjonijiet u d-difetti tal-oħrajn mhux qed jikkollabora kif imiss ma’ Alla, imma pjuttost, (jikkollabora ma’ Alla) dak li jaf jagħraf it-tajjeb li jikber fis-skiet fl-għalqa tal-Knisja u fl-istorja, u jibqa’ jikkultivah sakemm jimmatura. Imbagħad ikun Alla, u Huwa biss, li jippremja lit-tajbin u jikkastiga l-ħżiena.
il-Verġni Marija tgħinna nifhmu u nimitaw il-paċenzja ta’ Alla, li ma jrid lil ħadd minn uliedu jintilef, Hu li jħobbhom b’imħabba ta’ Missier.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
f’daż-żmien ta’ pandemija li ma tantx jidher li qed iċċedi, nixtieq niżgura l-qrubija tiegħi ma’ kull min qed iħabbat wiċċu mal-marda u l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tagħha. Ħsiebi jmur speċjalment lejn dawk il-popolazzjonijiet li t-tbatija tagħhom tiħrax minħabba sitwazzjonijiet ta’ kunflitti. Fuq dispożizzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda li ħarġet ftit ilu, inġedded l-appell tiegħi biex minnufih u globalment jieqaf il-ġlied biex jagħti wisa għall-paċi u s-sigurtà indispensabbli għall-assistenza umanitarja meħtieġa.
Qed insegwi bi tħassib il-qiegħa li reġgħet saħnet dal-ġranet u t-tensjoni armata, fir-reġjun tal-Kawkasu, bejn l-Armenja u l-Ażerbajġjan. Filwaqt li nwiegħed it-talb tiegħi għall-familji ta’ dawk li tilfu ħajjithom fil-ġlied, nawgura li bl-impenn tal-komunità internazjzonali u permezz tad-djalogu u r-rieda tajba mill-partijiet, tasal soluzzjoni dejjiema u paċifika li tgħożż il-ġid ta’ dawk il-popolazzjonijiet maħbubin.
Insellem minn qiegħ qalbi lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini ġejjin mill-Italja u minn pajjiżi oħra.
U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber
Sors: Laikos.org