Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju ta’ dal-Ħadd (cfr Mt 18,15-20) hu meħud mir-raba’ diskors ta’ Ġesù tar-rakkont skont Mattew, magħruf bħala d-diskors “komunitarju” jew “ekkleżjali”. Is-silta tal-lum titkellem dwar il-korrezzjoni fraterna u tistedinna nirriflettu dwar id-dimensjoni doppja tal-eżistenza nisranija: dik komunitarja, li tesiġi l-ħarsien tal-komunjoni, jiġifieri tal-għaqda tal-Knisja, u dik personali, bl-obbligu tal-attenzjoni u r-rispett lejn kull kuxjenza individwali,
Biex wieħed jikkoreġi lil ħuh li żbalja, Ġesù jissuġġerixxi pedagoġija ta’ rkupru. Il-pedagoġija ta’ Ġesù hi dejjem pedagoġija ta’ rkupru; Hu jfittex dejjem li jirkupra, li jsalva. U dil-pedagoġija ta’ rkupru hi mqassma fi tliet passaġġi. L-ewwelnett jgħid: “mur sibu waħdu u widdbu” (v. 15). jiġifieri tmurx ixxandar dnubu fil-pjazez. Ifisser li tmur għand ħuk bil-prudenza, mhux biex tiġġudikah iżda biex tgħinu jifhem xi jkun għamel. Kemm drabi aħna għaddejna minn din l-esperjenza: jiġi xi ħadd u jgħidilna: “Ismgħani, inti hawn żbaljajt. Jeħtieġ li tibdel xi ftit dan jew dak”. Forsi għall-ewwel nirrabjaw imma mbagħad nirringrazzjaw, għax ikun ġest ta’ fratellanza, komunjoni, għajnuna, irkupru.
Mhux ħafifa li tqiegħed fis-seħħ dat-tagħlim ta’ Ġesù, għal diversi raġunijiet. Hemm il-biża’ li ħuk jew oħtok iġibu ruħhom ħażin miegħek; kultant ma jkollniex kunfidenza biżżejjed miegħu jew magħha…. U raġunijiet oħrajn. Imma kull darba li aħna għamilna hekk, ħassejna li kienet propju t-triq tal-Mulej.
Madankollu, jista’ jiġri illi, minkkejja l-intenzjonijiet tajbin tiegħi, l-ewwel sforz ifalli. F’każ bħal dan tajjeb illi wieħed ma jaqtax qalbu u jgħid: “Ħa jirranġa, naħsel idejja minnu, minnha”. Le, dan mhux (atteġġjament) nisrani. Taqtax qalbek imma fittex is-sapport ta’ xi ħuk jew oħtok oħra. Ġesù jgħid: “Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta”. (v. 16). Dan hu wieħed mill-preċetti tal-liġi ta’ Mosè (cfr Dewt. 19,15). Minkejja li jidher li hu kontra l-akkużat, fil-fatt kien iservi biex hu jkun imħares minn akkużaturi foloz. Imma Ġesù jmur aktar ‘l hinn: iż-żewġ xhieda mhumiex meħtieġa biex jakkużaw jew jiġġudikaw, imma biex jgħinu. “Ejjew nifthemu, int u jien, immorru nkellmu lil dak, lil dik, li qed jiżbaljaw, li qed jaqgħu għaċ-ċajt. Imma mmorru nkellmhuom bħala aħwa”. Dan hu l-atteġġjament tal-irkupru li Ġesù jrid minna. Infatti, Ġesù jqis ukoll li anki dan it-tieni sforz jista’ jfalli – it-tienii wieħed – bix-xhieda, kontra kif hemm fil-liġi ta’ Mosè, li tqis ix-xhieda ta’ tnejn jew tlieta biżżejjed biex tikkundanna.
Fil-fatt, l-imħabba ta’ tnejn jew tliet aħwa wkoll tista’ ma tkunx biżżejjed, għax dak jew dik rashom iebsa. F’dal-każ – iżid Ġesù – “għid lil-komunità” (v. 17), jiġifieri lill-Knisja. F’ċerti sitwazzjonijiet tidħol il-komunità kollha kemm hi. Hemm ħwejjeġ li lill-aħwa l-oħra ma jistgħux iħalluhom indifferenti: ikun hemm bżonn ta’ mħabba akbar biex ħuk ikun irkuprat. Imma kultant anqas dan ma jkun biżżejjed. U Ġesù jgħid: “U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan jew pubblikan” (v. 17). Din l-espressjoni li fid-dieher hi ta’ tant stmerrija, fir-realtà hi stedina biex lil ħuna nħalluh f’idejn Alla: il-Missier biss jista’ juri mħabba akbar minn dik tal-aħwa kollha f’daqqa.
Dan it-tagħlim ta’ Ġesù hu ta’ għajnuna kbira għalina għaliex – naħsbu ftit f’eżempju – meta aħna naraw l-iżball, difett, żelqa, f’ħuna jew oħtna, is-soltu l-ewwel ħaġa li nagħmlu hi li mmorru nirrakkuntawha lill-oħrajn, inqassu. U t-tqassis jagħlaq il-qalb tal-komunità, jagħlaq l-għaqda tal-Knisja. L-akbar seksiek hu x-xitan li dejjem jirrakkonta l-affarijiet koroħ dwar l-oħrajn għax hu l-giddieb li jfittex it-tkissir ta-Knisja, li jbiegħed l-aħwa minn xulxin biex ma jkunx hemm komunità. Jekk jogħġobkom, ħuti, nagħmlu sforz biex ma nqassux. It-tqassis hu pesta aktar kerha mill-Covid-19! Nagħmlu sforz: xejn tqassis. Din hija l-imħabba ta’ Ġesù, li laqa’ għandu l-pubblikani u lill-pagani, u ta skandlu lil min kien jaħseb li hu tajjeb fi żmienu. Għalhekk din mhix kundanna mingħajr appell, imma għarfien li ximindaqqiet l-isforzi umani tagħna jistgħu jfallu, u hu biss jekk immoru quddiem Alla li nistgħu nwasslu li ħuna jaffaċċja l-kuxjenza tiegħu u jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dak li jkun għamel. Jekk ma jirnexxilniex, silenzju u talb għal ħuna u għal oħtna li jiżbaljaw, imma qatt it-tqassis.
Il-Verġni Marija tgħinna biex il-korrezzjoni fraterna nagħmluha drawwa sana ħalli fil-komunitajiet tagħna jkunu jistgħu jitwaqqfu dejjem relazzjonijiet fraterni mibnijin fuq il-maħfra reċiproka u, fuq kollox, fuq il-qawwa li ma tingħelibx tal-ħniena t’Alla.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
Insellem likom ilkoll, rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi: familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet.
Insellem b’mod partikolari lis-seminaristi tal-Kulleġġ Pontifiċju Nord Amerikan ta’ Ruma; u lil dawk tas-seminarju maġġuri minn Lubjana (Slovenja). Insellem lill-adoloxxenti minn Cernusco sul Naviglio u lil dawk minn Chiuso u Maggianico – bl-imkatar sofor -, li qed jitħejjew biex jagħmlu l-professjoni tal-fidi. Inħeġġeġ lil kulħadd biex jitħabbeb aktar ma’ Ġesù, il-Ġebla tax-Xewka u r-Ragħaj it-Tajjeb.
Insellem lill-atleti nisa, morda bl-isklerożi multipla, li terrqu l-Via Francigena minn Siena sa Ruma; u liż-żgħażagħ minn Santo Stefano Lodigiano li ġew hawn bir-roti għal raġunijiet ta’ benefiċjenza. Dawn iż-żewġ gruppi kienu kuraġġużi ħafna: ibqgħu mexjin bil-ferħ u bil-fiduċja!
Insllem ukoll lil-fidili minn pajjiżi oħra; qed nara li hawn xi pollakki, lebaniżi, franċiżi, messikani. Insellmilkom ilkoll! U lilkom ukoll, il-kuraġġużi tal-Immakulata: avanti!
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: Laikos